Friday, January 9, 2026

Tefgħet nail polish fuq il-karozza tal-eks sieħeb tagħha

Aqra wkoll

Mara ta’ 23 sena min-Naxxar, li taħdem bħala hairdresser, ammettiet li tefgħet nail polish fuq il-karozza tal-eks sieħeb tagħha u li kissret qsari tal-pjanti barra d-dar tiegħu.

Il-mara tressqet fil-Qorti l-Ħamis waranofsinhar fejn ġiet mixlija li b’mod volontarju għamlet ħsara fuq il-proprjetà tal-vittma, li weġġgħetu ħafif u li insulentatu u hedditu. 

L-Ispettur Omar Zammit spjega li r-raġel kien mar fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika biex jagħmel rapport fil-konfront tal-imputata.

Ir-raġel spjega li hu u l-imputata kellhom xi jgħidu u hi allegatament bdiet tinsulentah, kissret xi qsari tal-pjanti u tefgħet nail polish fuq il-karozza tiegħu.

Huwa kien imwissi mill-pulizija peress li kien hemm ordni ta’ protezzjoni favur il-mara.

Il-mara eventwalment kienet arrestata meta marret il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Fil-Qorti, il-mara ammettiet għall-akkużi miġjuba kontriha wara li qalet li għamlet dan għax ir-raġel allegatament kien kissrilha l-mobile.

Il-Qorti sabitha ħatja tal-akkużi u poġġietha taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin favur ir-raġel.

Wara tressaq ir-raġel, li għandu 34 sena u huwa residenti San Ġwann, u ġie mixli li kiser ordni restrittiva favur il-mara maħruġa f’Novembru. Huwa ġie mixli wkoll li wettaq reat waqt li kien taħt libertà kkundizzjonata kif ukoll li hedded u insulta lill-mara.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża titlob li jsir pre-sentencing report fil-konfront tal-imputat. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża.

Imbagħad, l-Avukati Difensuri talbu għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tagħhom.

Il-Qorti tat lir-raġel il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000.

“Jekk se titkellmu ma’ xulxin tkunu qed tagħmlu reat it-tnejn li intom. Tkellem permezz tal-Avukati tagħkom dwar uliedkom,” il-Qorti wissiet lir-raġel.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit. L-Avukati Franco Debono u Anthea Bonnici Zammit dehru għar-raġel filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Francois Dalli deher għall-mara.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport