Friday, November 15, 2024

TELEFONATA F’WAQTHA SSALVA ĦAJJA … B’OĦRA TISTA’ TISRAQHA

Aqra wkoll

Telefonata f’waqtha tista’ ssalva ħajja, iżda oħra mhux f’lokha tista’ tisraq il-ħajja ta’ xi ħadd li jkun qiegħed imdendel bejn ħajja u mewt jistenna għall-għajnuna.

B’avvanzi kbar fit-teknoloġija llum, it-tim mediku ta’ Mater Dei jista’ jkun infurmat, anke qabel isir rapport lill-Pulizija. Illum ftit huma dawk li ma jużawx il-mobile u għalhekk meta persuna tilmaħ persuna oħra f’diffikultà bla ma trid tfittex iċċempel minnufih għall-għajnuna.

Kemm il-Pulizija kif ukoll it-timijiet mediċi fl-Isptar Mater Dei u anke dawk mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fost uffiċjali oħra, jieħdu b’serjetà kbira kull sejħa li tidħol għall-assistenza. Minkejja numru ta’ ostakli li jistgħu jiltaqgħu magħhom fit-triq, dawn il-persuni jkunu fuq il-post fi ftit minuti. Jekk dan ma jkunx il-każ, ċertament tkun ġurnata li fiha jinqala minn kollox. Din mhix xi ħaġa mhux mistennija mill-professjonisti ta’ Mater Dei, hekk kif minkejja investiment kontinwu, is-sejħiet għall-għajnuna huma kontinwi. Tajjeb li nsemmu titjib li forsi mhux dejjem huwa apprezzat fosthom il-karozzi li żdiedu mal-flotta tal-ambulanzi li permezz tagħhom l-infermiera qegħdin ikunu aktar qrib iċ-ċittadin u jistgħu jassistu f’inqas ħin.

Iżda qalb din il-ġlieda kontra l-ħin, fejn kull sekonda tista’ tkun kruċjali biex tiddetermina bejn ħajja u mewt, għadhom qegħdin jidħlu numru ta’ telefonati foloz li jxekklu din il-ħidma li jixirqilha kull tifħir. Telefonata ta’ omiċidju f’kamra f’lukanda li magħha jiskattaw ir-riżorsi kollha li wieħed jista’ jimmaġina. Diversi vetturi u uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija, dawk mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Timijiet mediċi, ambulanzi u dawk kollha li jistgħu jkunu ta’ għajnuna skont iċ-ċirkostanzi li jvarjaw minn każ għal ieħor.

Nikkundannaw bla riżervi li persuna jew persuni jużaw il-linja tal-emerġenza (112) biex jiżgwidaw lill-awtoritajiet b’dan il-mod. Nikkundannaw l-irresponsabbiltà li biha persuna jew persuni bażikament iwaqqfu pajjiż b’telefonata qarrieqa. Nikkundannaw il-fatt li telefonata serja bħal din twassal biex persuna f’post ieħor, hu liema hu, tispiċċa tistenna f’uġigħ li jista’ jvarja minħabba l-preċedenza ta’ ċertu rapporti. Nikkundannaw l-aġir irresponsabbli li jpoġġi l-ħajja ta’ dawn l-uffiċjali f’tensjoni żejda anke minħabba l-periklu li jistgħu jkunu qegħdin jistennew f’ċertu sejħiet bħalma huwa każ ta’ qtil b’arma tan-nar.

Inkwetanti l-fatt li dan ma kienx każ ta’ darba. Il-Pulizija fl-aħħar jiem irċeviet diversi telefonati b’rapporti foloz u kull darba ovjament, minħabba li kull telefonata tittieħed b’serjetà, numru ta’ uffiċjali jispiċċaw jitwaqqgħu għaż-żufjett wara li jħallu kollox u jitilqu sparati fuq il-post. Fil-passat kien hemm każi ta’ persuni li jużaw dawn it-telefonati biex jiżgwidaw il-Qorti b’rapporti ta’ splussiv fil-binja, anke xi drabi minħabba xi kawżi partikolari li jkunu se jinstemgħu f’dik il-ġurnata. Nittamaw li din mhix xi drawwa ġdida li se ttul u għalhekk hemm bżonn li mill-kliem nimxu għall-fatti biex min hu responsabbli jpatti ta’ dan l-aġir mill-aktar kundannabbli.

Nemmnu li bl-avvanzi li saru anke fejn tidħol it-telekomunikazzjoni, il-persuna jew persuni li qegħdin ixekklu lill-awtoritajiet li ta’ kuljum iwettqu xogħol impekkabbli, jistgħu jiġu identifikati. Nistennew li ladarba dan iseħħ, jiskatta minnufih proċess biex dawn jingħataw sanzjoni xierqa bbażata fuq ir-riskji kollha li jġibu magħhom tali telefonati, b’mod speċjali uġigħ fuq pazjenti oħra jistennew l-assistenza u tensjoni żejda fuq l-istess uffiċjali.

Ekonomija

Sport