Monday, January 27, 2025

Telegram dawwar ħsiebu u ngħaqad ma’ l-iskema tas-sigurtà tat-tfal

Aqra wkoll

Wara snin tinjora it-talbiet u l-appelli biex tingħaqad fi skemi ta’ protezzjoni tat-tfal, l-app kontroversjali tal-messaġġi Telegram issa aċċettat li taħdem ma’ l-Internet Watch Foundation, korp rikonoxxut internazzjonalment biex twaqqaf it-tixrid ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal (CSAM).

L-Internet Watch Foundation (IWF) tintuża minn servizzi online ewlenin biex tgħinhom jiskopru u jneħħu s-CSAM, u jipprevjenu t-tixrid tiegħu.

Telegram ripetutament kienet irrifjutat li timpenja ruħha mas-CSAM jew ma’ xi skemi simili.

Iżda, erba’ xhur wara li l-fundatur ta’ Telegram, Pavel Durov ġie arrestat f’Pariġi għall-allegati nuqqasijiet li timmodera kontenut estrem, il-pjattaforma ħabbret il-U-turn tagħha.

L-IWF iddeskriviet id-deċiżjoni ta Telegram bħala “trasformazzjonali” iżda wissiet li kien l-ewwel pass fi “vjaġġ ħafna itwal” għall-app.

Wara li ngħaqdet ma l-IWF, Telegram tista’ tibda tuża l-għodod ewlenin fid-dinja biex tgħin jiġi żgurat li materjal ta’ abbuż sesswli tat-tfal ma jibqax jiġi mqassam fuq is-servizz tagħha. 

Telegram tintuża minn 950 miljun ruħ madwar id-dinja u kienet tpoġġiet bħala app iffukata fuq il-privatezza tal-utenti tagħha aktar milli n-normi tal-politika prijoritizzati minn kumpaniji globali oħra tal-midja soċjali.

Iżda bosta organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet kienu enfasizzaw li kriminali jużaw l-app ta’ Telegram biex jirreklamaw id-drogi kif ukoll joffru servizzi ta’ ċiberkriminalità u frodi u aktar reċentement materjal sesswali ta’ tfal.

F’Awwissu li għadda, sid Telegram, il-biljunarju Pavel Durov inżamm f’ajruport fit-tramuntana ta’ Pariġi. Huwa ġie akkużat b’nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-infurzar tal-liġi dwar it-traffikar tad-droga, kontenut sesswali tat-tfal u frodi. Imħallfin Franċiżi pprojbixxew lil Durov milli jitlaq minn Franza sakemm isiru aktar investigazzjonijiet.

Il-kumpanija sostniet li l-arrest tiegħu huwa inġust, u li m’għandux jinżamm responsabbli għal dak li jagħmlu l-utenti fuq il-pjattaforma.

Madankollu, minn dak iż-żmien Telegram ħabbret sensiela ta’ bidliet fil-mod kif topera, inklużi t-tħabbir tal-indirizzi IP u n-numri tat-telefon ta’ dawk li jiksru r-regoli se jiġu mgħoddija lill-pulizija. Se jkunu pubblikati wkoll rapporti ta’ trasparenza regolari dwar kemm tneħħa kontenut li qabel kienet irrifjutat li tikkonforma magħhom.

L-IWF hija waħda mill-ftit organizzazzjonijiet fid-dinja li għandha l-kapaċita legali tfittex u tneħħi kontenut sesswali tat-tfal fuq siti u websites tal-internet.

Telegram tgħid li qabel ma saret membru tal-IWF neħħiet mijiet ta’ eluf ta’ biċċiet ta’ materjal ta’ abbuż kull xahar billi użat s-sistemi tagħha stess. Is-sħubija fl-IWF se ssaħħaħ il-mekkaniżmi tagħha, qalet il-kumpanija.

L-app hija kkummerċjalizzata bħala servizz ta’ messaġġi kkodifikati għal kollox minn tarf sa tarf li jfisser biss min jibgħat u r-riċevitur ta’ messaġġ jista’ jaqraha bħal WhatsApp u Signal.

Iżda fil-fatt il-maġġoranza tal-komunikazzjoni ssir b’encryption standard, li tqajjem mistoqsijiet dwar kemm hija sigura mill-hacking u l-interċettazzjoni.

Is-sid ta’ Telegram, Durov, li twieled fir-Russja u issa jgħix f’Dubaj, għandu ċittadinanza fir-Russja, Franza, l-Emirati Għarab Magħquda u tal-gżira tal-Karibew ta’ St Kitts u Nevis.

Telegram huwa partikolarment popolari fir-Russja, l-Ukrajna u l-istati li qabel kienu jiffurmaw l-Unjoni Sovjetika kif ukoll l-Iran.

Sport