Saturday, October 26, 2024

Telemedicine: Servizz ta’ pariri mediċi 24 siegħa kuljum

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur, il-kura primarja bdiet tagħti servizz lill-poplu Malti u Għawdxi permezz ta’ telemedicine. Kunċett ġdid li, permezz tiegħu, il-konsulta medika bdiet ukoll issir permezz ta’ forom differenti ta’ komunikazzjoni bħal Skype u Zoom.

Waqt li żar lit-tobba li qegħdin imexxu dan il-kunċett ġdid fil-qasam mediku f’pajjiżna, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-pandemija wasslet biex noħolqu sistemi aktar innovattivi kif il-pazjenti jistgħu jkollhom kuntatt mat-tobba mingħajr ma bilfors jiltaqgħu fiżikament.

Dan is-servizz qiegħed mifrux ma’ Malta u Għawdex kollu u qiegħed jingħata servizz 24 siegħa kuljum. Il-klijenti/pazjenti tal-kura primarja l-ewwel jaqbdu mal-Client Support Centre li huwa l-ewwel kunatt li jkollu l-klijent. Dawk il-persuni li jkollhom bżonn pariri mediċi jiġu mgħoddija lit-Telemedicine Centre, li huwa mħaddem ukoll 24 siegħa kuljum minn grupp ta’ tobba tal-familja.

It-tobba li jaħdmu f’dan iċ-ċentru huma responsabbli biex jagħtu l-pariri mediċi lill-pazjenti u jekk hemm bżonn jibagħtu fid-dar tal-pazjent tobba miċ-Ċentri tas-Saħħa.

Fost oħrajn, tobba fi ħdan it-Telemedicine Centre kienu wkoll qed iżommu kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi bil-COVID-19 li ma kellhomx bżonn jkunu l-isptar.

“Huwa ta’ sodisfazzjoni li dan il-kunċett ġdid fi ftit xhur għamlu użu minnu ’l fuq minn 15,000 persuna, minbarra l-persuni pożittivi li kellna tal-Covid-19 li ukoll baqgħu jiġu segwiti permezz tat-tobba tat-Telemedicine,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Sport