Saturday, October 26, 2024

Telfa kbira għal Malta kontra t-team qawwi tal-Islanda

Aqra wkoll

MALTA…………………………1   ISLANDA………………………..6

It-team Malti ta’ taħt is-16-il sena temm l-impenji tiegħu fil-UEFA Development Tournament kontra t-team b’saħħtu tal-Islanda, li aċċerta mir-rebħa grazzi għall-wirja eċċellenti fl-ewwel taqsima f’Tony Bezzina Stadium nhar it-Tlieta waranofsinhar.

It-team ta’ talent mill-Ewropa ta’ Fuq skorja tliet goals mill-aqwa qabel il-mistrieħ, bil-Maltin jkollhom it-tieni taqsima ferm aħjar, li fiha ħadu l-inizjattiva, u ħolqu diversi opportunitajiet ta’ skor huma stess.

L-Islanda ddominaw il-fażi tal-ftuħ u fetħu l-iskor fil-21 minuta minn Karl Karlsson, li b’xutt fil-baxx għeleb lill-goalkeeper James Sissons.

Man-nofs siegħa logħob, Thomas Arnarsson kien f’pożizzjoni ideali u ma żbaljax biex jirdoppja l-iskor u ħames minuti wara, Jonathan Arnarsson skorja t-tielet goal Islandiż, meta ħalla lil Sissons mingħajr ċans.

Il-coach Andreas Vella bidel ħames players fil-bidu tat-tieni taqsima, li ħallew effett immedjat fuq il-prestazzjoni tat-team.

Eżatt wara s-siegħa, il-Maltin naqqsu l-marġni permezz ta’ Keyon Ewurum, li ma ta l-ebda ċans lis-sostitut goalkeeper Valdimarsson b’xutt preċiż minn tarf il-kaxxa.

Fit-83 minuta, Ubada Hijazi għamel tajjeb li għeleb lill-markatur dirett tiegħu, u daħal fil-kaxxa iżda Valdimarsson għamel save mill-isbaħ biex ċaħħad lill-attakkant Malti.

Iżda żewġ minuti wara, b’Malta tfittex it-tieni goal, l-Islanda kkonkludew kontrattakk veloċi permezz ta’ Arni Arnason, li poġġa l-eżitu tal-partita mingħajr dubju.

Fil-logħba l-oħra, l-Armenja għelbu lill-Estonja 2-1. Bi tliet logħbiet f’sitt ijiem kontra l-Estonja, l-Armenja u l-Islanda, kienet esperjenza ta’ tagħlim utli oħra għas-subien Maltin, li se jilagħbu aktar tournaments simili biex jidraw l-intensità tax-xena kompetittiva internazzjonali, vantaġġ importanti tal-football moderna  tal-lum.

Malta: James Sissons (Miguel Camilleri 58), Adam Vella (Lydon Seychell 46), Jake Borg (Jayden Vella 70), Sheldon Borg, Shelom Magri, Eslam El-Nasar (Nathan Joyce 46), Jerome Baldacchino, Luke Bugeja (Thomas Melillo 46), Emerson Piscopo (Ubada Hijazi 46), Denzil Muscat (Karl Grima 46), Keyon Ewurum. Coach: Andreas Vella.

Islanda: Jochum Magnusson (Vidir Valdimarsson 46), Eysteinn Sverrisson (Egil Arnarsson 62), Petur Arnasson, Robert Hlynsson (Haraldur Brynjarsson 79), Freysteinn Gudnason (Porri Bergmann 62), Jonatan Arnarsson (Arni Arnason 79), Karl Gunnar Olsen (Jakob Sigurdsson 74), Thomas Arnarsson, Arnor Agustsson (David Aronsson 74), Hilmar Viggosson (Viktor Gudmundsson 62). Coach: Ludvik Gunnarsson.

Referee: Reuben Spiteri (Malta).

Sport