It-telfa hija dejjem iebsa biex tiġi mwieżna speċjalment meta l-persuna li tkun ħallietna jkollha post speċjali f’ħajjitna. Teżisti t-tendenza li meta jmut xi ħadd jibdew ħerġin ħafna kwalitajiet sbieħ tiegħu li forsi matul ħajtu ma jkunux ngħataw daqstant importanza. Hemm oħrajn li fl-opinjoni tagħhom wara l-mewt tajjeb li dak li jkun jagħrbel sewwa lil min ikun qiegħed isellem għax forsi b’dak li jikteb jew li jgħid ikun qiegħed iweġġa’ s-sentimenti ta’ ħaddieħor. Li hu żgur huwa li l-valuri ta’ ċertu persuni mhux biss kapaċi jimxu minn ġenerazzjoni għall-oħra, iżda jkun impossibbli, lanqas jekk xi ħadd jipprova, li jintesew.
Is-Sibt li għadda, hemm min qal li qomna maħsudin għall-mewt ta’ eks Prim Ministru. Aħna ma nemmnux li dan kien il-każ. Mill-esperjenzi tagħna ma’ Karmenu Mifsud Bonnici aħna nemmnu li s-Sibt qomna maħsudin bil-mewt ta’ persuna li dejjem ħadem għal dawk l-aktar batuti fis-soċjetà bla ma qatt stenna xejn lura. Qomna maħsudin bil-mewt ta’ ħabib li għalih il-General Workers’ Union baqgħet binja importanti sa ftit tal-jiem qabel miet.
Imma għaliex kellu din il-binja tant għal qalbu? Aktar milli l-binja, nistgħu nobsru li l-binja kienet speċjali għalih għax kien jassoċċjaha mal-ħaddiem u l-bżonn li dan jibqa’ jiġi mħares. Huwa jibqa’ mfakkar bħala ikona tal-ħaddiem u dan ma nixhduhx aħna bil-kitba, iżda dawk il-ħaddiema kollha li bl-għerf u l-kompetenzi tiegħu, iddefendihom fi Tribunali Industrijali mingħajr ma qatt ma talab xejn lura. Barra minn hekk fuq bażi ta’ valuri, mill-altruwiżmu żgur li ma kienx nieqes. Min jaf kemm persuni f’sitwazzjonijiet finanzjarji ħżiena, sabu fih rifuġju biex ifittxu ġustizzja soċjali. Min jaf kemm fis-skiet, ħareġ flus minn butu biex mhux biss jiddefendi bla ħlas lill-ħaddiem, iżda dawk li ma kinux jaslu, kien saħansitra jħallsilhom hu minn butu l-ispejjeż tal-qorti. Forsi fl-aħħar sigħat smajna biss xi eżempji, iżda min jaf kemm iktar hemm li ma qalux l-esperjenzi tagħhom, anke għax hu ma kienx ikun jixtieq dan.
Karmenu Mifsud Bonnici kien persuna ta’ prinċipju li għalih il-prinċipju kien l-mod ta’ kif jgħix. Il-prinċipji tiegħu ma kienx wieħed li jieqaf sal-fomm, iżda li jattwah b’azzjonijietu. Karmenu Mifsud Bonnici kien soċjalist li għex din il-ħajja sal-aħħar jum ta’ ħajtu.
Karmenu kien ukoll politiku, politiku nadif u hemm għall-ħaddiem. Nemmnu li l-wirt tal-valuri tiegħu huma parti mill-kisbiet li qiegħed jagħmel il-Partit Laburista fl-aħħar snin permezz ta’ politika mmirata li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies u li tara li kemm jista’ jkun ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.
Għalhekk meta nqisu dan kollu, ċertament li qalb il-ħafna kitbiet ta’ dieqa li fihom qiegħdin jitfakkru l-kwalitajiet kollha tajbin li kellu, żgur iżda mhux forsi, f’dawn il-ġranet għandna nfakkru l-mewt ta’ difensur tal-ħaddiem. Kemm tkun ħaġa sabiħa li fis-soċjetà moderna, qalb is-sejħiet kontinwi ta’ titjib fis-sistema ġudizzjarja, aktar persuni li joffru s-servizz tagħhom liċ-ċittadini, jirrispettawhom b’tali mod li ngħinu lil xulxin biex inkunu nistgħu ngħixu f’soċjetà li fiha kulħadd ikollu dinjità.