Friday, December 27, 2024

Temmen li l-kitba kreattiva hija mezz li tagħtik ħafna libertà

— Simone Inguanez, waħda mit-tliet awturi Maltin li se jieħdu sehem fit-18-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura

Aqra wkoll

“Illum il-ġurnata fil-qasam tal-arti u l-kultura nagħmlu enfasi kbira fuq id-drittijiet kulturali: id-dritt li kull bniedem jipparteċipa b’mod attiv u d-dritt li jkun hemm firxa wiesgħa ta’ esperjenzi kreattivi addattati għal nies differenti, minn oqsma varji, li jidentifikaw b’mod differenti minn oħrajn. Il-kitba hija waħda mill-iktar mezzi, kif naraha jien, li joffru libertà”.

Dan hu l-mod kif bdiet biex tiddefinixxi l-kitba kreattiva Simone Inguanez, f’intervista li saritilha minn Justine Somerville (f’isem Inizjamed) dwar il-Festival, il-poeżija, u t-traskreazzjoni, fost l-oħrajn. Simone hija waħda mit-tliet awturi Maltin li se jieħdu sehem fit-18-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura li se jittella’ din il-ġimgħa f’Sant’Iermu.

Hija kompliet tgħid li jekk ikollok il-kapaċità li tikteb, ikollok il-kapaċità tesplora u tirrakkonta lilek innifsek mill-ġdid bil-kitba, anke jekk ma tkunx kitba mirquma. “Fl-identità li niktbu minnha, ilkoll għandna ħafna x’nirrakkontaw u stejjer interessanti x’naqsmu,” sostniet Simone.

Fl-opinjoni ta’ Simone, fil-livelli differenti tagħha, il-kitba għandha ħafna potenzjali, għandha valur kbir li mhux dejjem nagħrfuh – forsi għax sikwit nassoċjawha ma’ dak li hu akkademiku, ma’ dak li l-għalliema fil-klassi jġegħluk tagħmel, mas-sillabu li mhux dejjem huwa rappreżentattiv biżżejjed.

Fost l-oħrajn, hija targumenta li l-kitba kreattiva għandha aspetti differenti minn forom artistiċi oħra, bħall-mużika u l-pittura pereżempju, “għax kull min tgħallem jikteb għandu s-sisien tagħha. Sa fejn se jwasslu dawk is-sisien jiddependi mill-potenzjali differenti, mill-opportunitajiet, u mill-interessi rispettivi li għandna”.

Simone saħqet li għandna nkunu konxji kemm mill-potenzjali u daqstant ieħor mill-isfidi li għandha l-kitba kreattiva, għaliex “il-karta vojta, daqskemm tista’ kultant taqtagħlek qalbek, tista’ tkun terapewtika għax tagħtik il-libertà li timlieha bin-narrattivi li trid inti, tuża l-liċenzja tal-kitba kreattiva u timraħ fejn tixtieq”.

“Hemm temi rikorrenti li inkonxjament jitfaċċaw regolarment fil-kitba tiegħi”

Mistoqsija dwar il-pubblikazzjoni ta’ ‘Ftit Mara, Ftit tifla’ — l-ewwel ġabra ta’ poeżiji li ppubblikat Simone — hija qalet li “huwa titlu li għadni, u nittama li nibqa’, nidentifika miegħu, għax quddiem il-potenzjal infinit tal-kelma nħossni verament tifla”.
“Għadni nidentifika wkoll ma’ ħafna mit-temi. Naturalment, l-istil jevolvi u t-temi jiddiversifikaw ruħhom; imma hemm temi rikorrenti li inkonxjament jitfaċċaw regolarment fil-kitba tiegħi, bħat-temi tas-skiet, ir-reminixxenzi mit-tfulija u l-identità Ewro-Mediterranja. Dawn u oħrajn jibqgħu jisqu l-kitba, minkejja li ż-żminijiet u l-perspettivi jinbidlu,” fissret Simone.

Rigward l-istil hija qalet li tħoss illi ċerti elementi għadhom jiddistingwu l-kitba tagħha minkejja l-evoluzzjoni li tara. “Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar inħossni komda nilgħab bil-kelma u nieħu ċerta libertajiet fl-espressjoni tiegħi”.

“Fil-kitba tiegħi l-‘int’ huwa fluwidu ħafna”

Simone spjegat li fil-kitbiet tagħha, l-‘int’ huwa fluwidu ħafna: “kultant huwa l-‘int’ tal-monologu, il-faċċata l-oħra tal-‘jien’; kultant huwa persuni jew oġġetti li jkunu dakkru jew ispiraw lil dik il-kitba partikolari”.

“L-‘int’ jista’ jkun id-dinja, jista’ jkun l-ambjent, jista’ jkun l-inġustizzja; l-‘int’ jista’ jkun ħafna affarijiet, fil-verità. U l-‘int’ qiegħed dejjem hemm anki għaliex jintrabat mal-immedjatezza; ifakkarni ħafna li hemm djalogu għaddej il-ħin kollu. L-‘int’ jirrifletti l-bżonn tal-espressjoni, il-bżonn kostanti li persuna tinstema’ – anki jekk tinstema’ minnha nnifisha biex tisma’ l-ħsibijiet tagħha artikolati”.

“L-ispazji u l-punteġġjatura jidderiġu l-mużika u r-ritmu tal-poeżija, u jsawru l-viżwal fuq il-karta”

“L-ispazji jirriflettu ħafna r-ritmi li nkun qiegħda nilgħab bihom. L-ispazji fil-poeżija jgħinuni ħafna meta nkun qiegħda naqra, u nassumi li jiggwidaw lill-qarrejja bl-istess mod. L-ispazji jippunteġġjaw il-mużikalità li hija parti mill-poeżija, u mill-kitba kreattiva b’mod ġenerali. L-ispazji u l-punteġġjatura jidderiġu l-mużika u r-ritmu tal-poeżija, u jsawru l-viżwal fuq il-karta. Allura l-ispazji u l-punteġġjatura jintrabtu sew mal-kriterju viżiv u sew mal-kriterju tal-udit”.

Hija kompliet tgħid li fil-fehma tagħha, jirriflettu ħafna l-mod kif toħloq u tipperċepixxi l-affarijiet ta’ madwarha.

“L-elementi viżiv jaffaxxinani immens u nixtieq inpitter. Sa issa, il-kelma – u l-preżentazzjoni tagħha fuq il-karta – hija l-aktar mezz ‘viżiv’ b’saħħtu fija. Naħseb li l-armonija, jew in-nuqqas tagħha, l-organizzazzjoni jew id-diżorganizzazzjoni, fejn hemm bżonn, tista’ toħloqhom jekk tkun attenta għal dawn l-elementi kollha”.

“Hemm affarijiet li għax tgħidhom mara joħolqu reazzjoni partikolari, għax ċerti affarijiet huma mistennija minn raġel imma mhux minn mara”

Simone ġiet mistoqsija wkoll dwar stampa li ttellgħet minnha stess fuq Facebook bil-kliem “Everything is political when you’re a woman” – kliem ispirat mill-frażi popolari “the personal is political” li ħarġet mill-Femminiżmu tat-Tieni Mewġa fis-snin 60. Hija saħqet li nammettuha jew ma nammettuhiex, il-politika bil-“p” ċkejkna qiegħda kullimkien; il-ħin kollu, u li ħafna drabi l-ġeneru għandu tendenza jimmanifesta ruħu bħala kwistjoni fiha nnfisha.

Żiedet tgħid li għalkemm nitkellmu bosta drabi dwar l-ugwaljanza, l-ekwità, il-kundizzjonijiet li ma jħarsux lejn il-wiċċ tal-persuna; ir-realtajiet li nsibu ma’ wiċċna huma differenti. “Jekk nikteb xi ħaġa, il-fatt li ktibtha jien, li jien mara, aktarx tasal u tintlaqa’ b’mod differenti milli kieku kitibha raġel. Hemm affarijiet li għax tgħidhom mara joħolqu reazzjoni partikolari, għax ċerti affarijiet huma mistennija minn raġel imma mhux minn mara”.

Simone qalet li hija taħseb ħafna fuq il-Yin u l-Yang ta’ Jung, fuq l-aspetti femminili u maskili li hemm f’kull persuna. “L-istess realtajiet issibhom riflessi f’kull persuna, u wieħed m’għandux għaliex jistagħġeb meta xi ħaġa tgħidha mara u mhux raġel”.

Hija kompliet tgħid li xi drabi jiġri illi iktar ma nisħqu fuq il-korrettezza u l-ekwità, iktar nintebħu li għadna ’l bogħod mill-ideal li noħolmu.

Fi żmien il-pandemija ħassitha qisha “turista fir-reminixxenzi” għaliex kienet qed tesperjenza d-dinja b’mod differenti minn tas-soltu

Għal Simone, l-esperjenza tal-pandemija kienet partikolari ħafna. “Il-fatt li tkun waħdek, li tesperjenza s-skiet mod ieħor, li tesperjenza r-relazzjonijiet mad-dinja ta’ madwarek jew ta’ hemm barra b’mod differenti – dawn kollha huma elementi li nħoss li huma preżenti l-ħin kollu f’xogħli”, stqarret Simone.

Però, hija żiedet tgħid li matul iż-żmien tal-pandemija kellha iktar ċans tirrifletti fuqhom u timraħ f’dinjiet sa ċertu punt immaġinarji, għaliex kienet qed tesperjenza d-dinja b’mod differenti minn tas-soltu. “Ħassejtni qisni turista fir-reminixxenzi: fl-immaġinarju nżur dawk il-waqtiet li ma stajtx inkun preżenti għalihom fil-mument. Meta tieqaf tħares lejn dak li hemm madwarek bħala xi ħaġa li se tibqa’ hemm il-ħin kollu, tibda taraha minn għajnejn differenti, għajnejn li josservaw aħjar u jiflu d-dettall”.

Simone qalet ukoll li bdiet tiftakar f’mumenti mill-imgħoddi u bdew jimmanifestaw ruħhom b’modi differenti. “Il-kitba kienet mod kif inkampa ma’ din l-esperjenza tant surreali għalija. Il-pandemija tatni l-possibbiltà li nesperjenza d-dinja minn perspettivi differenti, tatni l-lussu nieqaf u naħseb u mmur lura mingħajr ma nkun distratta b’affarijiet oħra li s-soltu jkunu għaddejjin. Tatni l-lussu wkoll li naqra ħafna xogħlijiet li meta nkun għaddejja niġri minn post għal ieħor qajla nsib ħin kemm nixtieq għalihom”.

“Ix-xogħlijiet letterarji li kont qed naqra, u xogħol kreattiv ieħor bħall-mużika u l-pittura li kont qed inqatta’ ħafna ħin nesplora, kienu qed jgħinuni f’dak li kont qed noħloq, għax kienu qed idakkruh. Il-ħin u s-skiet ukoll kienu lussu. Is-skiet kultant itarrax u joħloq vojt, imma l-vojt huwa spazju wkoll”.

X’inhi t-traskreazzjoni? Għalfejn Simone temmen fiha bis-sħiħ?

Hawnhekk Simone bdiet biex tfisser li t-traduzzjoni kreattiva tagħtik għadd ta’ possibiltajiet interessanti. “Insejħilha traskreazzjoni għax tinvolvi l-ħolqien ta’ xogħol ġdid minn xogħol li diġà jeżisti imma li mhuwiex aċċessibbli għal ċerti udjenzi, inkella li mhux aċċessibbli f’idjoma partikolari”.

Hija żżid tgħid li kull kelma f’kull lingwa ġġorr kultura sħiħa magħha u, allura, it-traskreazzjoni tinvolvi wkoll il-medjazzjoni: “Meta xi ħaġa tinkiteb b’lingwa, iġġorr pakkett kulturali magħha; taqlibha f’lingwa oħra, u allura f’pakkett kulturali ieħor, tkun qed toffri esperjenza estetika ġdida”.

Lil Simone, l-iktar li jaffaxxinaha fit-traduzzjoni kreattiva hu l-abitazzjoni tal-persona ta’ min kiteb ix-xogħol oriġinali, u t-twassil f’idjoma oħra, kemm jista’ jkun, b’mod leali lejn il-ħsus ta’ dik l-esperjenza partikolari.

“B’‘leali’ ma rridx infisser li tkun skjava lejn dak ix-xogħol, għax iktar ma tkun skjava probabbilment inqas tkun leali lejh. Il-libertajiet li nieħu meta nittraduċi xogħol li mhux tiegħi huma libertajiet ikkalkulati, li naf li se jikkomunikaw aħjar in-narrattiva tax-xogħol oriġinali”.

“Li tkun kreattiva biex twassal l-esperjenza estetika tax-xogħol bl-iktar mod sħiħ, imma mhux neċessarjament kelma b’kelma u mhux b’tali mod li tkun servili, għalija hi sfida interessanti ħafna”.

Il-mument meta tisma’ xogħolha jinqara b’lingwi oħra, għaliha huwa “esperjenza maġika”

Simone ddeskriviet il-Festival u l-workshops bħala esperjenza imprezzabbli ta’ inkontru ħaj ma’ kittieba varji, il-lussu ta’ diskussjoni diretta fuq ix-xogħlijiet rispettivi, u l-opportunità li taħdem fuq it-traduzzjoni letterarja filwaqt li tikkonsulta mal-kittieba wiċċ imb wiċċ.

“Jien grata ħafna lejn Inzjamed, lejn Literature Across Frontiers, u diversi nies li għenu biex jagħmlu din l-esperjenza possibbli. L-imħabba tiegħi lejn it-traduzzjoni letterarja u l-mod kif inħares lejha u nesperjenzaha bdew propju minn dawn il-laboratorji tal-kitba waqt il-Festival,” stqarret Simone. Hawnhekk irrakkuntat ukoll kif fl-ewwel żewġ edizzjonijiet li ħadet sehem fihom, bħala parteċipanti kienu jgħixu flimkien taħt l-istess saqaf matul il-ġranet tal-Festival.

Hija kompliet tfisser li “wara li tkun skambjajt kampjun tax-xogħlijiet u tkun diġà bdejt tagħmel l-abbozzi tat-traduzzjonijiet, fil-ġimgħa tal-Festival tiltaqa’ mal-kittieba mistiedna l-oħra, ikollok l-opportunità tistaqsi, u tara li min kiteb ix-xogħol oriġinali jidentifika mal-esperjenza l-ġdida li tkun qed toħloq”.

Fatt ieħor interessanti dwar il-Festival huwa li bħala awtur/awtriċi jkollok l-opportunità li “tisma’ x-xogħol tiegħek maqlub għal lingwi l-oħra – esperjenza maġika li tibda mir-ritmi tal-qari – u kważi anke jekk ma tifhimx il-ħsejjes tibda tidentifika xogħol mal-ieħor”.

Fl-aħħar nett semmiet ukoll is-sodisfazzjon li twassal lill-udjenzi x-xogħol li tkun ilek taħdem fuqu, tilqa’ r-reazzjonijiet tagħhom, u tifhem b’liema mod laqathom dak ix-xogħol. “Huma proċessi li jgħallmuk ħafna”.

DETTALJI DWAR L-AWTRIĊI

Qabel ma bdiet taħdem mal-Kunsill tal-Arti fl-2009, Simone Inguanez kienet involuta ħafna f’Inizjamed – fil-fatt tgħid li s-sisien tagħha hemm qegħdin. Minkejja li bdiet tikteb bħala żagħżugħa, l-esperjenzi li għaddiet minnhom ma’ Inizjamed għenuha tikber u taw żvolta lill-kitba tagħha. Tiftakar żmien meta kienu jiltaqgħu grupp ta’ kittieba għand nies bħal Adrian Grima u Walid Nabhan, u jfasslu proġetti flimkien, jiddiskutu l-proċessi tal-kitba, jaqraw u jirreaġixxu għax-xogħlijiet ta’ xulxin u, fuq kollox, jitgħallmu ħafna minn xulxin.
Simone Inguanez ħadet sehem fl-ewwel edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta fl-2006, u f’tal-2008. F’din it-18-il edizzjoni tal-Festival, Simone se tkun fuq il-palk f’Sant’Iermu fil-lejla tal-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu.

Ekonomija

Sport