Sunday, November 24, 2024

TEMP ESTREM… KIF NILQGĦU GĦALIH FIL-FUTUR?

Aqra wkoll

It-temperaturi estremi li qed jaħkmu lid-dinja bħalissa mhux l-inqas l-Ewropa u ċ-ċentru tal-Mediterran qed iħallu impatti tremendi negattivi fuq l-ekonomiji ta’ diversi pajjiżi. Dan qed nesperjenzawh anke f’pajjiżna fejn dawn it-temperaturi għoljin wasslu għall-qtugħ ta’ dawl f’diversi lokalitajiet, kaġun ta’ kif qalu l-inġiniera tal-Enemalta kien dovut għas-sħana li ġġenerat taħt l-art li laqtu wkoll il-cables tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

Billi f’Malta m’għandniex foresti pajjiżna mhux għaddej mill-istess martirju li għaddejjin minnu pajjiżi oħra tal-Mediterran fejn mhux biss qed ibatu minn sħana tremenda imma wkoll qed ikollhom jiffaċċjaw nirien kbar b’telfien ta’ ħajjiet tan-nies u impatti straordinarji fuq l-ambjent bil-ħruq u t-twaqqigħ ta’ siġar.

Minkejja li t-temperaturi għoljin kienu prevedibbli però ftit kienu dawk li stennew li t-temperaturi f’Malta kienu se jaqbżu l-40 grad celsius u f’sitwazzjonijiet oħra saħansitra laħħqu t-43 grad. M’aħniex se ngħidu li dan il-fenomenu ġie fuqna għall-għarrieda kif kważi ġiet il-pandemija, però rridu ngħidu illi forsi pajjiżna ma kienx ippreparat biżżejjed għal avvenimenti bħal dawn.

U hawn hu fejn daħlet il-ħila tal-ħaddiem Malta li għal jum u lejl wara l-ieħor komplew jaħdmu qatigħ biex ireġġgħu lura l-provvista tad-dawl elettriku lill-familji Maltin u Għawdxin. Dawn il-ħaddiema mhux tgħajjir u insulti ħaqqhom imma tifħir kbir għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom biex inaqqsu kemm jista’ jkun mit-tbatijiet li nħolqu fuq il-familji Maltin u Għawdxi minn dan l-inkonvenjent li nħoloq.

F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Gvern diġà kkommetta ruħu li se jagħti kumpens lil dawk li ntlaqtu l-aktar. Però hawnhekk ma jistax ikun aktar li kulħadd, hu min hu, jibqa’ jserraħ fuq il-Gvern. Nemmnu għalhekk li bħala poplu m’għandniex aktar noqogħdu nistennew l-ewwel tinqala’ diżgrazzja mbagħad forsi nibdew nieħdu l-passi.

X’irridu ngħidu b’dan? B’dan irridu nfissru li issa li nafu li x-xjenzati dinjin diġà wissew li mewġiet ta’ sħana se jsiru xi ħaġa normali fis-snin li ġejjin, għandhom jibdew jittieħdu l-passi minn issa partikolarment min-negozji biex f’każijiet oħra ta’ din ix-xorta l-impatt ma jkunx daqshekk gravi kif kien din is-sena.

Filwaqt li l-Gvern għandu jkompli jinvesti f’cables aħjar biex jilqgħu għal-‘load’ fid-domanda tal-elettriku, hekk ukoll nemmnu li n-negozji partikolarment dawk relatati mal-ikel għandhom huma wkoll jinvestu f’makkinarju li jkun ta’ alternattiva f’każ ta’ avvenimenti oħra bħal dawn partikolarment meta jkun hemm xi interruzzjoni fid-distribuzzjoni tad-dawl.

Il-Gvern diġà nefaq mijiet ta’ miljuni biex taffa l-effetti tal-pandemija tal-Covid. U żgur li issa mhux se jħalli għal riħhom lil dawk li sofrew mill-qtugħ ta’ dawl. F’dan il-kuntest talab li jitlaqqa’ l-MCESD biex filwaqt li jingħata aġġornament dwar is-sitwazzjoni preżenti, tinstab it-triq ‘il quddiem f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ tisħin tal-klima.

Sport