It-temp għall-jiem li ġejjin mistenni jkun ideali għal dawk li beħsiebhom jiċċelebraw il-bidu tas-sena l-ġdida fuq barra, hekk kif l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar temp stabbli u temperaturi ogħla mill-medja.
Għal-Lejliet l-Ewwel tas-Sena, it-temp mistenni jkun ftit jew wisq imsaħħab, b’riħ ħafif (Forza 2-3) mix-Xlokk. L-ogħla temperatura mistennija titla’ sa 17°C u tinżel għal 10°C mal-lejl.
L-aktar Lejliet l-Ewwel tas-Sena kiesaħ jibqa’ dak ta’ 10 snin ilu, meta t-temperatura kienet niżlet għal 2.1°C. Dakinhar, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 2014, kienet osservata wkoll borra ħafifa li niżlet għal ħin qasir fuq il-Gżejjer Maltin.
Temp ftit jew wisq imsaħħab mistenni jilqa’ l-2025, nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Jannar, anke jekk isir pjuttost imsaħħab mal-lejl. Ir-riħ se jibqa’ ħafif mix-Xlokk il-Lvant.
Anke nhar l-Erbgħa, it-temperatura mistennija titla’ sa 17°C matul il-ġurnata u tinżel għal 10°C mal-lejl.
Għal dawk li fil-jiem ta’ wara mhux se jkunu xogħol biex igawdu l-aħħar jiem tal-festi mal-familja u l-ħbieb, it-temp mistenni jibqa’ ftit jew wisq imsaħħab, imma jaf ikollna wkoll xi ħalbiet iżolati tax-xita bejn il-Ħamis 2 ta’ Jannar u s-Sibt 4 ta’ Jannar. Ir-riħ se jibqa’ ħafif iżda jitqawwa ftit mill-Majjistral (Forza 4 għal 5) bejn is-Sibt u l-Ħadd 5 ta’ Jannar.
Filwaqt li nawgurawlkom l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida, inħeġġukom issegwu l-aħħar tbassir tat-temp fuq is-sit tagħna: https://www.maltairport.com/weather.