Thursday, November 14, 2024

Temp ħażin ħoloq kaos fl-ajruporti Ingliżi

Aqra wkoll

L-ajruporti ta’ Heathrow u Gatwick illum kellhom jikkanċellaw jew ittardjaw it-titjiriet tagħhom wara li borra, silġ u ċpar iffriżat ħasdu r-Renju Unit. Minbarra dan, it-titjiriet kollha minn u lejn l-Ajruport ta’ Stansted ġew kanċellati wkoll wara li kien sfurzat jagħlaq ir-runway minħabba l-maltemp. 

It-temp ħażin li qed jagmel fir-Renju Unit, b’xorti tajba affettwa titjira waħda biss minn Malta, dik tal-British Airways, li ġiet ikkanċellata u li kellha titlaq ilbieraħ lejn l-ajruport ta’ Gatwick f’nofsinhar.

Tant niżel silġ u borra matul il-lejl li għadda illi l-unika runway tal-ajruport ta’ Sansted ingħalaq biex jitneħħa s-silġ. Twissija ta’ temp sever kienet għadha fis-seħħ għall-Iskozja, Londra u l-Lbiċ tal-Ingilterra sal-bieraħ filgħodu bil-kaos fit-titjiriet kompli.

Il-ferroviji wkoll ittardjaw u s-sewwieqa tal-karozzi kienu mwissija biex ikunu attenti wara diversi inċidenti tal-awtostrada. Dewmien fit-titjiriet kien esperjenzat ukoll minħabba l-inġenji tat-tneħħija tas-silġ fuq ir-runway.

Ilbieraħ aktar minn 50 titjira ġew ikkanċellati f’Heathrow wara li ċpar iffriżat irriżulta f’restrizzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru fuq in-numru ta’ titjiriet. It-temp kiesaħ tar-Renju Unit kien mistenni li se jdum għal jiem fost kaos tal-ivvjaġġar u fil-fatt il-passiġġieri kienu avżati biex jiċċekkjaw mal-linja tal-ajru tagħhom għall-istatus attwali tat-titjiriet tagħhom.

L-ajruporti Ingliżi qed iżommu lill-passiġġieri siguri u qed jipprovaw jwassalhom lejn id-destinazzjonijiet tagħhom kemm jista’ jkun malajr. Il-British Airways, l-akbar linja tal-ajru ta’ Heathrow, skużat ruħha mal-klijenti u kienet qed tirrifondi jew tibbukkja mill-ġdid lil dawk li t-titjira tagħhom ġiet ikkanċellata. 

Ekonomija

Sport