L-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar temp pjuttost imħallat għall-jiem tal-Milied.
Għal dawk li qed jippjanaw li jqattgħu Lejliet il-Milied barra, it-temp mistenni jkun perfett filgħodu iżda jinbidel tard matul il-jum. Fil-fatt, nhar il-Erbgħa, it-temp mistenni jkun il-biċċa l-kbira xemxi, b’temperatura li tmiss it-18°C. Aktar tard matul il-jum, it-temp mistenni jsir iżjed imsaħħab, bil-possibbiltà li l-lejl tal-Milied, bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, iġib miegħu ħalbiet tax-xita li jistgħu jkunu bir-ragħad u anke bis-silġ. Matul il-lejl, it-temperatura mistennija tinżel għal 12°C.
Il-Ħamis, Jum il-Milied mistenni jisbaħ b’temp pjuttost imsaħħab li jista’ jġib miegħu iżjed ħalbiet iżolati tax-xita. L-ogħla temperatura mistennija titla’ sa 18°C. Dan ifisser li l-Milied ta’ din is-sena mistenni jkun 5°C aktar sħun mill-Milied tas-sena li għaddiet. Filgħaxija t-temperatura mistennija tinżel għal 12°C.
Fl-aħħar 10 snin, l-aktar Milied sħun kien dak tal-2022, b’temperatura ta’ 20.7°C, filwaqt li l-aktar wieħed kiesaħ kien dak tal-2023, meta t-temperatura ta’ matul il-jum kienet dik ta’ 13.6°C.
Għal dawk li l-għada tal-Milied mhux se jkunu xogħol u qed jippjanaw li jqattgħu l-ġurnata tal-Istrina barra, it-temp mistenni jkun favurihom. L-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar temp pjuttost imsaħħab, b’temperatura ta’ 19°C u li tinżel sa 13°C filgħaxija.
Ir-riħ isfel mistenni jikkaratterizza wkoll il-jiem tal-Milied. Minn Lejliet il-Milied, ir-riħ mistenni jkun moderat għal ftit qawwi (Forza 4-5) u jvarja bejn il-Lbiċ u n-Nofsinhar il-Lbiċ. Ir-riħ mistenni jitqawwa l-aktar nhar il-Ġimgħa filgħaxija, hekk kif imiss Forza 5 għal 6.
Filwaqt li nawgurawlkom Milied hieni, inħeġġukom issegwu l-aħħar tbassir tat-temp fuq is-sit tagħna: maltametoffice.com
NOVEMBRU IŻJED XOTT MIN-NORMA
Bħall-ewwel xahrejn tas-Sena tax-Xita, Novembru wkoll naqas milli jġib biżżejjed xita biex jaqbeż il-kwota tax-xahar ta’ 101.7 mm. Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 76.6 mm xita. Matul ix-xahar resqu viċin tal-Gżejjer Maltin tliet maltempati bir-ragħad u s-sajjetti, jiġifieri żewġ maltempati inqas min-norma.
It-temperatura medja matul ix-xahar ta’ Novembru kienet dik ta’ 17.7°C, jiġifieri fl-istess livell tan-norma klimatika. Is-17 ta’ Novembru ġab miegħu temperaturi kważi sajfin. Dakinhar tkejlet l-ogħla temperatura tax-xahar, jiġifieri 25.9°C. L-aktar lejl kiesaħ kien dak tat-28 ta’ Novembru, b’temperatura li niżlet għal 8.4°C.
Il-qawwa medja tar-riħ tul ix-xahar kienet dik ta’ 7.6 knots (norma 8.1 knots). L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha nefħet fuq il-Gżejjer Maltin mill-Punent fit-22 ta’ Novembru.

