Thursday, February 12, 2026

Temp instabbli u mirjieħ mistenni jikkaratterizza l-ġranet tal-Karnival

Aqra wkoll

Il-jiem tal-Karnival, partikolarment Ħadd il-Karnival u t-Tnejn mistennija jkunu kkaratterizzati minn temp pjuttost instabbli u riħ qawwi li se jippersisti anke wara l-ġurnata tal-lum, il-Ħamis 12 ta’ Frar.

Fil-fatt, bħalissa l-Uffiċċju Meteoroloġiku għandu fis-seħħ twissija ħamra (l-ogħla grad ta’ twissija) minħabba r-riħ qawwi mill-Punent Majjistru li jista’ jilħaq qawwa ta’ riefnu (Forza 8), speċjalment fl-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin.  Din it-twissija se tibqa’ fis-seħħ sa għada l-Ġimgħa 12 ta’ Frar fis-6 ta’ filgħodu.

TBASSIR DETTALJAT GĦALL-KARNIVAL

It-temp fl-ewwel jumejn taċ-ċelebrazzjonijiet, jiġifieri l-Ġimgħa 13 u s-Sibt 14 ta’ Frar, mistenni jkun ftit imsaħħab, bil-possibbilità ta’ ħalbiet iżolati tax-xita l-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija. Minkejja dan, mhux mistenni maltemp qawwi li jista’ jħarbat iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival madwar il-Gżejjer Maltin.

Il-ġurnata tal-Ġimgħa mistennija tiftaħ b’riħ qawwi mill-Punent Majjistru (Forza 7) iżda l-qawwa tar-riħ mistennija tonqos matul il-ġurnata hekk kif idur biex jonfoq mill-Punent il-Lbiċ. Fil-fatt, sal-Ġimgħa filgħaxija, mistenni riħ moderat għal ftit qawwi (Forza 4 għal 5). Ir-riħ mistenni jerġa’ jitqawwa s-Sibt filgħaxija.

Matul dawn il-jumejn, it-temperatura ta’ matul il-jum mistennija tvarja bejn 18°C u 19°C u tinżel għal madwar 13°C u 14°C filgħaxija.

It-temp mistenni jsir aktar instabbli għal Ħadd il-Karnival, hekk kif huwa mbassar temp imsaħħab, b’ħalbiet iżolati tax-xita li jistgħu jkunu bir-ragħad u anke riħ qawwi mill-Punent Majjistru li jista’ jilħaq Forza 6 għal 7. It-temp mistenni jibqa’ instabbli anke matul il-ġurnata tat-Tnejn, b’aktar ħalbiet tax-xita mbassra għal matul il-jum, u bir-riħ ftit qawwi għal qawwi.

L-aħħar jum tal-Karnival jaf ikun ftit iżjed ħanin mad-dilettanti u dawk li jixtiequ jgawdu l-parata finali tal-karrijiet. Fil-fatt, it-temp għat-Tlieta 17 ta’ Frar mistenni li jkun ftit imsaħħab. Madanakollu, ir-riħ se jibqa’ ftit qawwi għal qawwi matul il-ġurnata (Forza 5 għal 6) u jsir qawwi (Forza 6) mill-Punent il-Lbiċ filgħaxija.

Ir-riħ qawwi mill-Majjistral mistenni jbaxxi wkoll it-temperaturi, hekk kif bejn il-Ħadd u t-Tlieta, l-ogħla temperatura mhix mistennija taqbeż is-16°C, filwaqt li tinżel għal madwar 11°C matul il-lejl.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku mistenni joħroġ diversi twissijiet minħabba r-riħ qawwi u l-pubbliku huma mħeġġeġ biex iżur is-sit maltametoffice.com għall-aħħar aġġornamenti dwar it-temp. Aktar dettalji jingħataw ukoll fuq il-paġna ta’ Instagram @maltametoffice.

JANNAR MILWIEN U MIRJIEĦ ĦAFNA AKTAR MIN-NORMA

Il-maltempata Harry li ħakmet il-Gżejjer Maltin fl-20 ta’ Jannar se tibqa’ tissemma’ iżda din ma kinitx l-uniku maltempata li kkaratterizzat lill-ewwel xahar tas-sena.

Fil-fatt, ix-xahar ta’ Jannar kien aktar milwien u aktar mirjieħ min-norma klimatika. Matul ix-xahar tkejlu total ta’ 112.4 mm xita, jiġifieri 33.1 mm aktar mill-kwota tax-xahar. Matul l-istess xahar laqtu lill-Gżejjer Maltin erba’ maltempati bis-sajjetti, jiġifieri fis-16, l-20, il-21 u 23 tax-xahar.

Aktar qawwija kienet ukoll il-qawwa medja tar-riħ li kienet dik ta’ 12.6 knots, jew 3.7 knots aktar min-norma. Anke jekk il-maltempata Harry ġabet magħha rjieħ qawwija, l-aktar buffura b’saħħitha tkejlet fl-10 ta’ Jannar u laħqet il-qawwa ta’ 53.3 knots mill-Punent.

It-temperatura medja ta’ Jannar kienet dik ta’ 14.9°C, jiġifieri ogħla min-norma klimatika ta’ 12.9°C. L-ogħla temperatura tkejlet fis-6 ta’ Jannar u laħqet id-19.7°C, filwaqt li l-aktar iljieli kiesħa kienu dawk tal-11 u t-12 ta’ Jannar meta t-temperatura niżlet għal 9.2°C.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport