Monday, December 29, 2025

Temperaturi kiesħa u ħalbiet tax-xita mistennija jilqgħu s-sena l-ġdida

Aqra wkoll

Temp kiesaħ, imsaħħab u bil-ħalbiet iżolati tax-xita mistenni jikkaratterizza l-aħħar sigħat tal-2025 u l-ewwel jum tas-sena l-ġdida.

Għal lejlet l-Ewwel tas-Sena, it-temp mistenni jkun pjuttost imsaħħab biċ-ċans ta’ ħalbiet iżolati tax-xita matul il-jum. L-ogħla temperatura mistennija titla’ sa 16°C u tinżel għal 12°C mal-lejl. Filgħodu, ir-riħ huwa mbassar li jibda moderat għal ftit qawwi (Forza 4 għal 5) mill-Punent Majjistru iżda mistenni jnaqqas sa filgħaxija biex isir ħafif mit-Tramuntana.

Temp simili mistenni jilqa’ l-2026, hekk kif għal nhar il-Ħamis, l-1 ta’ Jannar, it-temp mistenni li jkun ukoll pjuttost imsaħħab u bil-possibbilità ta’ ħalbiet iżolati tax-xita. Ir-riħ mistenni jdur mil-Lvant u jerġa’ jitqawwa ftit matul il-jum (Forza 4-5) iżda jonqos għal Forza 3 hekk kif ikompli jdur biex jonfoħ mix-Xlokk.

L-ewwel jum tas-sena mistenni jkun ukoll pjuttost kiesaħ hekk kif firxa ta’ temp kiesaħ minn fuq is-Siberja mistennija tiddomina fuq l-Italja u ċ-Ċentru tal-Meditterran. Fil-fatt, nhar il-Ħamis l-ogħla temperatura mhux mistennija taqbeż il-15°C matul il-jum u sa filgħaxija hija mbassra li tinżel għal 10°C.

 Għal dawk li fil-jiem ta’ wara mhux se jkunu xogħol biex igawdu l-aħħar jiem tal-festi mal-familja u l-ħbieb, it-temp mistenni li jkun iżjed ħanin. Fl-fatt, bejn il-Ġimgħa 2 ta’ Jannar u l-Ħadd 4 ta’ Jannar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar temp ftit jew wisq imsaħħab u b’temperaturi ogħla mill-medja. Fil-fatt, bejn nhar il-Ħamis l-1 ta’ Jannar u l-Ħadd 4 ta’ Jannar, it-temperatura se togħla bi 3°C.

L-aktar Lejliet l-Ewwel tas-Sena kiesaħ jibqa’ dak ta’ 11 snin ilu, meta bejn il-lejl tal-31 ta’ Diċembru 2014 u l-1 ta’ Jannar 2015, it-temperatura kienet niżlet għal 2.1°C. Dakinhar, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 2014, kienet osservata wkoll borra ħafifa li niżlet għal ħin qasir fuq il-Gżejjer Maltin. L-ewwel jum tal-2024 kien l-aktar wieħed sħun fl-aħħar għaxar snin hekk kif dakinhar, it-temperatura telgħet għal 18.5°C

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport