Il-manager Erik ten Hag jemmen li Marcus Rashford u Manchester United “se jsibu lil xulxin” fid-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar il-kuntratt tal-attakkant.
Rashford skorja 29 goals fil-kompetizzjonijiet kollha għall-club ta’ tfulitu f’dan l-istaġun, l-aqwa tiegħu bil-flokk tal-United.
Waqt li kien qed jitkellem qabel iż-żjara f’Bournemouth tal-bieraħ, Ten Hag intalab aġġornament dwar in-negozjati fuq il-futur tal-internazzjonali Ingliż.
“Naf li qed jieħu ż-żmien,” qal l-Olandiż.
“Iżda ma nitkellimx dwar il-proċess. Dan mhux importanti bħalissa għalija jew għal Marcus.
“Għalih, huwa li jiskorja aktar goals dan l-istaġun u qed jilgħab staġun mill-isbaħ u t-team qed jilgħab staġun mill-isbaħ ukoll.
“Irridu nidħlu fiċ-Champions League u niffukaw fuq dan. Marcus irid jibqa’ u rridu li jibqa’, għalhekk naħseb li se nsibu lil xulxin.”
Il-United, li jinsabu fir-raba’ post, kienu jinsabu punt fuq Liverpool qabel il-logħob tal-bieraħ b’logħba inqas fit-taqtiegħa għall-kwalifikazzjoni fiċ-Champions League, u żewġ rebħiet mit-tliet logħbiet li kien fadlilhom jiggarantixxu lir-Red Devils post mal-ewwel erbgħa.
“Naħseb li rridu nkomplu nagħmlu dak li għamilna fl-istaġun kollu,” qal Ten Hag.
“Nitjiebu kuljum u nitjiebu f’kull logħba u mhux tħares wisq ‘il quddiem.
“Li tiffoka fuq il-logħba li jmiss hija l-aktar important,” tenna l-eks coach ta’ Ajax.