Mara f’Tennessee rnexxielha taħrab minn sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika u ħtif billi tuża sinjal b’idejha li huwa popolari fuq TikTok biex tavża lix-xerrejja f’ħanut li kellha bżonn l-għajnuna.
Il-mara daħlet fil-ħanut bl-isem ta’ ‘Twice Daily’ u b’xuftejha bdiet titlob ‘għajnuna’ lill-klijenti filwaqt li ripetutament għamlet sinjal b’idejha fejn għattiet subgħajha l-kbir bl-erba’ swaba l-oħra.
Fil-ħanut kien hemm raġel bl-isem ta’ Eric Streeval u mill-ewwel induna li kellha bżonn l-għajnuna.
F’kummenti lill-midja internazzjonali huwa qal li l-vjolenza domestika hija ħaġa ħażina hemmhekk f’Tennessee u l-vittmi, ħafna drabi jibżgħu wisq jitkellmu.
Streeval, li huwa parti minn klabb tal-muturi li jgħin lin-nisa li qed iħabbtu wiċċhom ma’ kwistjonijiet ta’ vjolenza domestika, immedjatament qal lil wieħed minn dawk li jaħdmu fil-ħanut biex iċempel lill-pulizija. Imbagħad ħa ritratt tal-pjanċa tan-numru tal-vettura li kienet ħarġet minnha l-mara.
Meta l-pulizija waslu fil-ħanut, il-vettura kienet se titlaq mill-parkeġġ. Minnufih bdew isegwu l-vettura u r-raġel li kien qed isuq, identifikat bħal Johnathon Smith ta’ 31 sena, f’mumenti minnhom prova jaħrab bil-mixi. Fl-aħħar l-awtoritajiet irnexxielhom jaqbduh u jarrestawh. Huwa ġie mixli bi ħtif u attakk domestiku aggravat. B’xorti t-tajba l-mara, li ma ġietx identifikata f’rapporti fil-midja Ingliża, ma weġġgħetx fl-inċident.
Is-sinjal tal-idejn li użat il-mara inħoloq mill-Fondazzjoni tan-Nisa Kanadiża fil-bidu tal-pandemija tal-Covid-19 sabiex persuni li kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika jkunu jistgħu jwissu lil ħaddieħor b’mod diskret li għandhom bżonn l-għajnuna.
Vidjows ta’ dan is-sinjal ġew imxerda fuq pjattaformi tal-midja soċjali bħal TikTok u Twitter, speċjalment fil-bidu tal-2020, meta l-każi ta’ vjolenza domestika żdiedu hekk kif partijiet madwar id-dinja kienet qed jaffaċċjaw l-hekk imsejħa ‘lockdowns’ ħabba l-pandemija.