Tuesday, December 24, 2024

Tennis: Alcaraz l-iżgħar fl-Aqwa 10 tar-rankings mill-2005

Aqra wkoll

Carlos Alcaraz tela’ fil-post numru 9 fir-rankings tal-ATP li tħabbru nhar it-Tnejn, ftit aktar minn xahar qabel ma jagħlaq 19-il sena, u b’hekk sar l-iżgħar player li daħal mal-ewwel 10 minn meta Rafael Nadal għamel dan eżattament 17-il sena ilu.

Alcaraz tela’ żewġ postijiet wara li rebaħ il-Barcelona Open nhar il-Ħadd meta fil-finali għeleb lil Pablo Carreno Busta 6-3, 6-2.

Ta’ 18-il sena, 11-il xahar u 20 jum, Alcaraz huwa d-disa’ l-iżgħar player li laħaq l-ewwel 10 minn meta bdiet il-klassifika tal-kompjuters fl-1973. L-Ispanjol sieħbu Nadal kien madwar xahar iżgħar meta tela’ mal-ewwel 10 fil-25 ta’ April, 2005, wara li rebaħ titlu fuq it-tafal ta’ Barċellona.

L-iżgħar player li laħaq dak il-livell elite fuq l-ATP Tour kien Aaron Krickstein, li kien 11-il jum wara għeluq is-17-il sena meta ddebutta mal-ewwel 10 f’Awwissu tal-1984.

Alcaraz hu marbut ma’ Nadal għall-aktar titli ATP fl-2022 bi tlieta; it-23 rebħa tiegħu huma t-tieni wara Stefanos Tsitsipas, li dan l-istaġun għandu 24 rebħa.

Novak Djokovic baqa’ fin-numru wieħed wara li spiċċa finalista ma’ Andrey Rublev fis-Serbia Open, b’Daniil Medvedev għadu fit-tieni post, Alexander Zverev fit-tielet u Nadal fin-numru erbgħa.

Nadal, sid ta’ rekord ta’ 21 titli tal-Grand Slam tal-irġiel, ilu mal-ewwel 10 kull ġimgħa minn meta wasal hemm.

L-uniċi bidliet fl-aqwa 10 tal-WTA involvew iż-żieda ta’ Paula Badosa għan-numru tnejn li huwa l-ogħla post tal-karriera tagħha, wara n-numru wieħed, Iga Swiatek.

Ekonomija

Sport