Thursday, December 26, 2024

Tennis: Ashleigh Barty tirtira

Aqra wkoll

It-tennista femminili numru wieħed tad-dinja, Ashleigh Barty, ixxukkjat lid-dinja sportiva billi ħabbret li se tirtira mit-tennis professjonali ta’ 25 sena biss.

L-Awstraljana ħabbret dan fuq il-midja soċjali nhar l-Erbgħa, u qalet li kienet se titlaq biex “issegwi ħolm ieħor”.

Hija qalet li kienet “tat kollox” u “fiżikament m’għandi xejn aktar x’nagħti”.

“Jien kuntenta u lesta li nagħmel il-pass li jmiss. Fil-mument biss naf f’qalbi, għalija bħala persuna, dan huwa dritt tiegħei,” hija qalet.

“Naf li n-nies forsi ma jifhmuhx. Peró jien għandi paċi miegħi nnifsi. Għax naf li Ash Barty il-persuna għandha tant ħolm li trid tiġri warajh li mhux bilfors jinvolvi li tivvjaġġa d-dinja, li tkun ‘il bogħod mill-familja tiegħi, mid-dar tiegħi, li huwa fejn dejjem xtaqt inkun.”

Barty rebħet tliet Grand Slams, inkluż l-Open tal-Awstralja ta’ din is-sena f’Jannar.

B’hekk hija saret l-ewwel player Awstraljana li rebħet it-titlu tas-singles tal-irġiel jew tan-nisa tal-Open tal-Awstralja f’44 sena.

Hija sostniet li s-suċċess tagħha biex issir champion ta’ Wimbledon fl-2021 “biddlet il-perspettiva tiegħi” għax wara li laħqet l-għan personali aħħari tagħha fl-isport, hija xorta “ma kinitx sodisfatta”.

Barty baqgħet in-numru wieħed fid-dinja minn meta rebħet l-ewwel Grand Slam tagħha fl-Open ta’ Franza fl-2019 – sensiela ta’ 114-il ġimgħa konsekuttiva.

Steffi Graf, Serena Williams (it-tnejn 186 ġimgħa) u Martina Navratilova (156) biss gawdew minn sensiela itwal bħala numru wieħed fid-dinja fil-logħba tan-nisa.

Ekonomija

Sport