Saturday, December 28, 2024

Tennis: Dominic Thiem jirtira mill-Australian Open

Aqra wkoll

L-Awstrijak Dominic Thiem (rit­ratt), finalista tas-singles tal-irġiel fl-2020, huwa barra mill-Australian Open tax-xahar id-dieħel wara li naqas milli jirkupra minn injury fil-polz li ilha għandu għal żmien twil.

Thiem, 28 sena, li ilu ma jilgħab minn meta sofra l-injury fil-Mallorca Open f’Ġunju, ma setax jiddefendi t-titlu tiegħu tal-US Open din is-sena.

Huwa tela’ fil-post numru 3 tad-dinja sakemm l-injury waqqfet il-progress tiegħu u rrelegatu fil-post attwali tie­għu ta’ 15.

Thiem ġie megħlub fir-raba’ round tal-Open tal-2021 fi tliet sets minn Grigor Dimitrov, filwaqt li s-sena ta’ qabel kien megħlub f’ħames sets minn Novak Djokovic fil-finali f’Melbourne Park.

Huwa se jibda l-istaġun 2022 fuq il-wiċċ preferut tiegħu tat-tafal fil-Open fl-Arġentina fl-aħħar ta’ Jannar.

“Se nimmissja l-partitarji Awstraljani, iżda se nkun lura hemm fl-2023,” qal Thiem fuq Twitter. “Aħna nemmnu li din hija d-deċiżjoni t-tajba sabiex ikollna ritorn tajjeb għall-kompetizzjoni.

“Għalissa se nibqa’ l-Awstrija għal ftit jiem oħra u mbagħad nipprattika barra u nipprepara għall-ewwel avveniment tiegħi tal-istaġun.”

Mhux għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar snin, li l-Australian Open se jkun nieqes minn numru ta’ players mill-aqwa, b’aktar li jaslu jonqsu mill-prattika tal-partita u l-kundizzjoni tajba.

In-numru wieħed tad-dinja, Novak Djokovic, irtira mill-ATP Cup f’Sydney, li kellha tibda fl-1 ta’ Jannar, nhar l-Erbgħa hekk kif tkompli l-inċertezza dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-Grand Slam.

Djokovic rebaħ f’disa’ okkażjoni­jiet f’Melbourne Park iżda ripetutament irrifjuta li jgħid jekk kienx imlaqqam kontra l-coronavirus wara li preċedentement esprima eżitazzjoni dwar li kien imqabbad.

Il-players kollha li qed jikkompetu huma meħtieġa jew jitlaqqmu jew jipprovdu prova ta’ eżenzjoni medika, iżda dan mhux se jsir pubbliku.

Meta tkellem mal-midja f’Melbourne l-ġimgħa li għaddiet, id-direttur tat-tournament, Craig Tiley, qal: “Novak jidher fl-Australian Open, jekk jitlaqqam jew ikollu eżenzjoni medika.

“Hija l-għażla tiegħu dwar il- kundizzjoni medika tiegħu, hija l-għażla tiegħu li jżommha personali u privata bħalma nagħmlu lkoll bi kwalunkwe kundizzjoni li jista’ jkol­lna jew ma nistgħux ikollna. Mhux se nisfurzawh jew nitolbuh jiżvela dan.”

X’imkien ieħor min-naħa tal-irġiel, iċ-champion tal-Grand Slam għal 20 darba, Roger Federer, għadu qed jirkupra minn operazzjoni fl-irkoppa, u b’hekk jingħaqad ma’ Stan Wawrinka u Milos Raonic li anke huma jinsabu barra mill-Open. Ir-rebbieħ tal-2009, Rafael Nadal u Denis Shapovalov, riċentement it-tnejn irriżultaw pożittivi għall-Covid-19.

Fil-poloz tan-nisa, iċ-champion 23 darba tal-Grand Slam, Serena Williams, tmexxi l-lista ta’ dawk assenti, filwaqt li Jennifer Brady, Karolína Pliskova, Karolina Muchova, u Bianca Andreescu, huma kollha mistennija li li jitilfu t-tournament ukoll.

Ekonomija

Sport