Elena Rybakina rebħet it-titlu ta’ Indian Wells biex pattiet għat-telfa tagħha fil-finali tal-Open tal-Awstralja billi għelbet lil Aryna Sabalenka f’settijiet dritti.
Wara set ta’ ftuħ ta’ 78 minuta, iċ-champion ta’ Wimbledon mill-Kazakhstan, Rybakina, rebħet 7-6 (13-11) 6-4.
Din immarkat l-ewwel rebħa tagħha fuq in-numru tnejn fid-dinja f’ħames tentattivi.
F’Jannar, il-Belarussa Sabalenka għelbet lil Rybakina fi tliet sets f’Melbourne biex rebħet l-ewwel Grand Slam tagħha.
Sabalenka kienet waqqgħet set wieħed biss fi triqitha lejn il-finali ta’ Indian Wells – it-tielet tagħha dan l-istaġun – iżda taħt pressjoni mill-10 seed Rybakina, hija bdiet turi n-nervożiżmu meta bdiet tagħti s-service biex ikkommettiet 10 double faults fl-ewwel set biss.
Rybakina, li fis-semi-finali għelbet liċ-champion renjanti numru wieħed fid-dinja, Iga Swiatek, kellha bżonn sitt set points – erbgħa minnhom fuq is-serve tagħha stess – qabel ma setgħet tavvanza f’tie-break twil.
It-tieni set kien aktar veloċi hekk kif Rybakina kisret is-set tal-avversarja u qatt ma ħarset lura u baqgħet sejra biex tgħolli t-trofew ta’ dan it-tournament.
B’din ir-rebħa hija mistennija titla fis-seba’ post tar-rankings mondjali.