Saturday, December 21, 2024

Tennis – French Open: Nadal u Djokovic resqin lejn il-konfront dirett fil-kwarti-finali

Aqra wkoll

Fis-sitt ġurnata tal-French Open li qed isir f’Roland Garros, Pariġi, iż-żewġ super stilel, Novak Djokovic u Rafael Nadal, issupe­raw it-tielet round u issa jinsabu fit-triq li jiltaqgħu kontra xulxin fil-kwarti-finali jekk huma jissuperaw l-ostakolu li jmiss. 

Iċ-champion renjanti, Djokovic, ipproduċa wirja oħra eċċellenti hekk kif wasal fir-raba’ round mingħajr ma waqqa’ set il-ġimgħa kol­lha.

Is-Serb Djokovic, 34 sena, rebaħ 6-3 6-3 6-2 – salva break point fit-tielet set – kontra s-Sloven Aljaz Bedene.

Djokovic ma tħalliex jilgħab fl-Australian Open, jew f’tournaments fl-Istati Uniti, għax ma kienx imlaqqam kontra Covid-19.

Dan kien ifisser li kellu tournament wieħed biss qabel it-tbandil Ewropew fuq it-tafal u, wara bidu nifhem f’Monte Carlo, wasal sas- semi-finali tal-Madrid Open qabel ma rebaħ l-Italian Open. 

L-Ispanjol Nadal, li għandu 35 sena, u qed jipprova jirbaħ l-14-il titlu ta’ dan l-Open, għadda wkoll mal-aħħar 16 meta għeleb lill-avversarju Olandiż li huwa seed numru 26, Botic van de Zandschulp, 6-3 6-2 6-4.

Nadal, li ġie megħlub minn Djokovic f’semi-finali mill-isbaħ is-sena l-oħra, għada l-Ħadd se jiltaqa’ kontra Felix Auger-Aliassime.

Il-Kanadiż Augur-Alliassime kel­lu daqsxejn ta’ battikata mhux ħażin biex għeleb lis-Serb, Filip Krajinovic, fi tliet sets li l-ewwel tnejn rebaħhom b’tiebreaks li peró ħadhom b’punteġġi komdi waqt li l-aħħar wieħed kważi mar sal-aħħar ukoll. Augur-Aliassime rebaħ il-logħba, 7-6 (7-3), 7-6 (7-2) 7-5.

Element intriganti għal din il-partita huwa Toni Nadal – iz-ziju ta’ Rafael, li kkowċjah għal 16 mill-21 titlu ewlieni tiegħu – huwa parti mit-team tas-seed numru 9, Auger-Aliassime, f’Pariġi.

L-Arġentin Diego Schwartzmann, għeleb b’mod faċli lill-Bulgaru Grigor Dimitrov, u b’hekk jinsab fl-aħħar 16 għat-tielet sena wara l-oħra. Huwa rebaħ bil-pun­teġġ ta’ 6-3 6-1 6-2.

Schwartzmann kien wasal sas- semi-finali fl-2020 u sal-kwarti-finali fl-2018 u fl-2021. B’hekk huwa patta għat-telfa kbira li sofra dan l-aħħar kontra Dimitrov f’Madrid.

L-Amerikan John Isner, safa megħlub mill-Ispanjol, Bernabe Zapata Miralles, li ħareġ rebbieħ f’logħba li marret sal-aħħar, b’dan tal-aħħar jirbaħ b’dawn is-sets, 6-4 3-6 6-4 6-7 (5-7) 6-3.

Fil-kategorija femminili, il-Kanadiża ta’ 19-il sena, Leylah Fernandez, eliminat liċ-champion Olimpika u seed numru 14, Belinda Bencic tal-Isvizzera, 7-5, 3-6, 7-5, bil-finalista tal-US Open u seed numru 17 f’Pariġi tieħu 62 minuta biex rebħet l-ewwel set qabel ma Bencic ippa­reġġat.

Is-set deċiżiv kien kombinazzjoni ta’ ħames breaks tas-service hekk kif Fernandez issiġillat ir-rebħa fil-ħin ta’ sagħtejn u 49 minuta biex għaddiet għat-tieni ġimgħa f’Roland Garros fit-tielet dehra tagħha.

Iżda f’Court Suzanne Lenglen kien hemm xeni ta’ dieqa hekk kif bid-dmugħ f’għajnejha ċ-Ċeka, Karolina Muchova, ġiet sfurzata tirtira fit-tielet set tal-aħħar 32 kontra l-Amerikana, Amanda Anisimova, minħabba problemi fl-għaksa.

Muchova rebħet l-ewwel set li ħa 90 minuta nkluża tiebreak iżda mbagħad tilfet it-tieni u meta kienet 3-0 minn taħt fit-tielet kellha tirtira meta l-iskor kien 6-7 (7-9) 6-2 3-0 minn taħt. Fir-raba’ round Anisimova se tiltaqa’ kontra Fernandez.

Amerikana oħra, Coco Gauff, għaddiet ukoll meta għelbet lil Kaja Kanepi tal-Estonja f’żewġ sets 6-3, 6-4, iżda l-ex champion tal-Grand Slam, il-Ġermaniża, Angelique Kerber, kellha tbaxxi rasha kontra l-Belarussa, Aliaksandra Sashnovich, li għelbitha f’żewġ sets ukoll iżda iktar stretti ta’ 6-4 7-6 (7-5).

Sloane Stephens kienet it-tielet player Amerikana li għaddiet għall-aħħar 16 meta b’mod komdu ssuperat lill-Franċiża Diane Parry, 6-2 6-3.

Il-player magħrufa, il-Belarussa Victoria Azarenka, ġiet eliminata meta ltaqgħet kontra l-Isvizzera, Jil Teichmann, bil-punteġġ ta’ 7-5 7-6 (10-5). 

Il-Belġjana Elize Mertens kisbet rebħa faċli kontra r-Russa Varvara Gracheva meta rebħitilha bil-pun­teġġ ta’ 6-2 6-3, bit-Taljana, Martina Trevisan, tkompli għaddejja wkoll meta eliminat lill-Awstraljana Da­ria Saville 6-3 6-4. 

Ekonomija

Sport