Sunday, November 24, 2024

Tennis: Haddad Maia tirbaħ l-ikbar titlu tal-karriera tagħha

Aqra wkoll

Il-Brażiljana, Beatriz Haddad Maia, għelbet lil Zheng Qinwen biex rebħet il-WTA Elite Trophy f’Zhuhai, iċ-Ċina, nhar il-Ħadd.

In-numru 19 tad-dinja ħadet sagħtejn u 51 minuta biex għelbet liċ-Ċiniża, Zheng, 7-6 (13-11) 7-6 (7-4) u kisbet l-akbar rebħa tal-karriera tagħha.

Dan huwa l-ewwel titlu ta’ Haddad Maia ‘l fuq mil-li­vell tal-WTA 250 u t-tielet globali tagħha.

Il-WTA Elite Trophy huwa avveniment li jtemm l-istaġun għall-players klassifikati bejn id-disa’ u d-19-il post, bl-ogħla tmienja klassifikati jikkompetu fil-WTA Finals.

Haddad Maia se titla’ għall-inqas fil-11-il post fir-rankings dinjija wara l-WTA Finals, li jibdew f’Cancun aktar tard il-Ħadd.

Il-Brażiljana għandha wkoll iċ-ċans li tpoġġi jdejha fuq trofew ieħor hekk kif tingħaqad mas-sieħba Russa, Vero­nika Kudermetova, biex fil-finali tad-doubles tiffaċċja l-koppja ssidjata numru tnejn, Miyu Kato tal-Ġappun u l-Indoneżjana Aldila Sutjiadi.

Fl-ewwel set ta’ 86 minuta, Haddad Maia falliet tliet set points fit-tie-break qabel ma rnexxielha takkwista s-set tal-ftuħ.

Zheng waqqgħet is-service l-ewwel fit-tieni, iżda ż-żagħżugħa ta’ 21 sena li kienet inkoraġġuta mill-folla ta’ pajjiżha, ġabet l-iskor indaqs 3-3 – biss biex tilfet is-service fil-game ta’ wara.

B’Haddad Maia sservi għat-titlu, in-numru 18 tad-dinja reġgħet issieltet lura għall-parità ta’ 5-5 u kienet żewġ punti bogħod milli tieħu t-tieni set wara li fetħet vantaġġ ta’ 30-0 fuq is-service tal-Brażiljana, ta’ 6-5.

Madankollu, is-service ta’ Haddad Maia kien aktar b’saħħtu fit-tie-break hekk kif bagħtet tliet shots rebbieħa mis-service – l-aħħar fit-tieni match-point tagħha għar-rebħ tal- kampjonat.

Sport