Sunday, December 22, 2024

Tennis: Iga Swiatek tirbaħ iċ-China Open

Aqra wkoll

In-numru tnejn fid-dinja, Iga Swiatek, kisbet il-ħames titlu tas-sena b’rebħa fuq ir-Russa Liudmila Samsonova fil-finali taċ-China Open.

Il-Pollakka żiedet mat-titli tagħha f’Doha, Stuttgart, Roland Garros u Varsavja b’rebħa ta’ 6-2 6-2 f’Beijing.

Swiatek, li għandha 22 sena, ma ffaċċjatx break point fl-ebda set hekk kif Samsonova, numru 22 tad-dinja, tħabtet biex tlaħħaq magħha tant li temmet ir-rebħa f’69 minuta biss għas-16-il titlu tal-karriera tagħha.

Swiatek, li temmet is-sensiela ta’ 16-il partita rebbieħa taċ-champion tal-US Open, Coco Gauff, fis-semi-finali, ingħatat l-ewwel break tal-partita fis-sitt logħba meta Samsonova pproduċiet double fault.

Imbagħad hija kompliet tiġbor is-sett tal-ftuħ mingħajr ma wettqet żball wieħed mhux sfurzat.

Is-service mill-aqwa ta’ Swiatek għenha tmur 4-1 minn fuq fit-tieni set qabel ma ssiġillat is-suċċess hekk kif Samsonova għamlet żball ieħor fix-xibka.

Minkejja t-telfa, il-ġimgħa ta’ Samsonova, li matulha għelbet lill-ħames seed, Elena Rybakina, it-12-il seed, Petra Kvitova, u t-13-il seed, Jelena Ostapenko, tfisser li se terġa’ lura fl-aqwa 20 tad-dinja.

Ekonomija

Sport