Waqt ikla tal-familja biex tiċċelebra għeluq it-22 sena tagħha, Naomi Osaka daret lejn ommha biex tistaqsi jekk kinitx taħseb li bintha kienet se tikseb aktar unuri sa dan il-punt f’ħajjitha.
“Taħseb li dan huwa aċċettabbli?”
“Aktar minn aċċettabbli,” kienet ir-risposta.
Meta dak l-iskambju nqabad minn mini-serje fuq Netflix, Osaka kienet diġà darbtejn champion tal-Grand Slam u numru wieħed tad-dinja.
Dak li ma konniex nafu dak iż-żmien kien li Osaka kienet ilha tbati minn “attakki twal ta’ dipressjoni” minn meta rebħet l-ewwel titlu tagħha ta’ Grand Slam, il-US Open fl-2018.
Kien hemm żewġ titli ta’ Grand Slam oħra xi tgawdi minn dik iċ-ċelebrazzjoni ta’ għeluq sninha, iżda wkoll xi xhur ta’ wġigħ.
Osaka kienet qed tistaqsi d-direzzjoni tagħha fl-isport, fil-ħarifa tal-2022, meta ħarġet tqila.
Shai twieldet f’Lulju u, f’intervista biex timmarka r-ritorn tagħha għat-tour wara assenza ta’ 15-il xahar, Osaka qalet li l-wasla ta’ bintha “għenitha tilħaq il-milja tagħha” bħala persuna.
“Kważi kelli bżonnha f’ħajti,” spjegat fi Brisbane. “Jien it-tip ta’ persuna li ma tantx nista’ naħseb dwari nnifsi. Jiena nieħu deċiżjonijiet mgħaġġlin u hi diġà għenitni nimmatura ħafna. Jien ħafna aktar komda miegħi nnifsi u jien grata ħafna għal kull jum.
“Biex tkun taf li hemm bniedma ċkejkna li tħobbni jiġri x’jiġri, u l-ġranet tiegħi biss jixegħlu minħabba fiha, jimlieni bħala persuna wkoll.”
It-twelid ta’ Shai ma kienx sempliċi, peress li l-kurdun taż-żokra kien ingeżwer ma’ għonq bintha waqt il-ħlas.
U minkejja l-istorja ta’ dipressjoni ta’ Osaka – li kienet dettaljat għall-ewwel darba wara li rtirat mill-French Open 2021 – reġgħet inħakmet din id-darba minn post-natal depression.
“Jiena ġejt affettwatha minnha. Ma naħsibx li kont naf dak iż-żmien – ħsibt biss li kienet tranżizzjoni kbira,” qalet.
“Iżda kont xortija tajba. Ommi kienet hemm, għalhekk għenitni ħafna, iżda hija bidla drammatika ħafna li ssir omm.”
“Kien hemm perijodu ta’ żmien meta kont bla ħeġġa. Jien ninsab tajba issa u fil-fatt jien ħafna aħjar milli kont qabel – inħossni verament kalma u rilassata.”
Dawk ta’ madwar Osaka japprezzaw l-importanza li l-affarijiet jinżammu hekk.
Il-coach Belġjan, Wim Fissette, ħadem ma’ Osaka meta rebħet il-US Open fl-2020 u l-Australian Open, f’Jannar ta’ wara. Huma nfirdu f’Lulju 2022, biex se jerġgħu jingħaqdu biss f’Ottubru ta’ din is-sena.
“Dejjem huwa suġġett iebes, imma trid toqgħod attenta fix-xhur li għaddew fejn ilha titħarreġ bla waqfien,” qal Fissette ftit wara li Osaka rebħet il-logħba tagħha tal-ewwel round kontra Tamara Korpatsch, fil-Brisbane International.
“Min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni tagħha mat-team saret aħjar – hija ħafna aktar miftuħa minn qabel. Hija tħossha aħjar issa biex tikkomunika kif tħoss.”
Li ssir omm waqt karriera fuq il-court hija normali. Angelique Kerber irritornat mil-leave tal-maternità fil-United Cup li qed issir bħalissa f’Perth u Petra Kvitova użat l-ewwel minuti tal-2024 biex tħabbar li hi u żewġha, Jiri, qed jistennew tarbija fis-sajf.
“Li nsir omm għamilni nirrealizza kemm jien b’saħħti, u kemm huma b’saħħithom l-ommijiet kollha,” qalet Osaka.
Iżda hija, waħda mill-vuċijiet l-aktar qawwija tal-isport dwar kwistjonijiet soċjali, hija wkoll anzjuża biex tiġbed l-attenzjoni li ommijiet ġodda m’għandhomx għal mument iqabblu lilhom infushom magħha, sitt xhur biss wara t-twelid.
“Kien diffiċli ħafna – onestament kważi impossibbli jekk ma kellix in-nies madwari,” hija sostniet
Il-bniedem responsabbli għat-tisħiħ fiżiku huwa Florian Zitzelsberger. Il-Ġermaniż qabel ħadem ma’ Kvitova u Kevin Anderson … u ma’ Osaka fl-2022.
Minbarra li huwa coach tal-fiżika u tal-kundizzjoni, huwa wkoll speċjalista tal-ġisem uman b’interess qawwi fin-nutrizzjoni.
“L-ewwel mistoqsija li ridt inkun naf kienet kif Osaka kienet tħossha bħala omm. Jien biss rajt li kienet sempliċiment kuntenta ħafna,” tenna Zitzelsberger.
“Meta wasalna għall-kwistjoni tal-ambizzjonijiet u kemm kellha motivazzjoni, qalet biss li riedet tuża kull minuta li kellha biex terġa’ lura fil-quċċata u tagħmel lil bintha kburija.
“Sempliċement dawn il-ftit sentenzi wrewni li hija kienet verament lesta biex terġa’ tagħmel ix-xogħol iebes u terġa’ tirbaħ it-tour.”
Osaka qalet li ma ratx iż-żewġ tournaments tal-Australian Open u dak ta’ Franza tas-sena li għaddiet, għax kienu jġiegħluha tirrealizza dak kollu li kienet nieqsa minnu.
Hija kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tirritorna għal-logħba professjonali waqt il-US Open ta’ Settembru li għadda u wegħdet li tfassal skeda aktar mimlija milli kienet tipika għaliha fil-passat. Meta x-xogħol tassew iebes beda x-xahar ta’ wara, Fissette nnota bidla sinifikanti fiha.
“L-aħħar darba li rajtha kien madwar Lulju 2022, meta bqajna naħdmu flimkien, u onestament ma kontx naf fejn sejra l-karriera tagħha,” qal Fissette
“Meta erġajt tkellimt magħha f’Settembru li għadda, hija kienet diġà qisha persuna ġdida. U persuna b’ħafna ambizzjonijiet kbar.
“Qatt ma rajtha b’dan il-mod qabel fejn tant kellha għatx biex titgħallem. Kienet persuna tant ferħana fuq il-court u l-aħħar ġimgħat ħadmet b’tant dixxiplina.
Fissette sostna li Osaka dejjem kienet tajba fl-iskedar, għalhekk ġurnata ta’ taħriġ tipika kienet iddum mit-8.00 am sat-3.00 pm … biex imbagħad il-ħin tagħha jkun riservat għal bintha.
Hija ddikjarat ix-xewqa tagħha li tikkompeti b’mod aktar qawwi fuq it-tafal u l-ħaxix, u espożizzjoni akbar għal dawn l-uċuh tista’ tgħin biss f’dan l-iżvilupp.
Osaka tgħid li tirbaħ it-titli futuri tal-Grand Slam u li tirrappreżenta lill-Ġappun fl-Olimpjadi tkun xi ħaġa sabiħa, iżda dak li huwa aktar importanti huwa li “tgħożż” kull tournament li tilgħab fih.
Hija trid tkun tista’ tivvjaġġa madwar id-dinja ma’ bintha u tgħallimha tapprezza li m’għandux ikun hemm ostakli għall-ambizzjonijiet tagħha stess.
Is-suċċess għal Osaka? Hija ivvjaġġat lejn l-Awstralja mingħajr Shai, u żgur li ma kinitx tkun hemm li kieku ma kinitx temmen li tista’ tilgħab mal-aqwa players fid-dinja.
“Dan ikun ta’ diżservizz għalija nnifsi u wkoll għan-nies li jridu jarawni nilgħab,” kienet it-tweġiba tagħha.
“Ma nistax ngħid jekk hux se nikseb riżultati aqwa jew le, iżda nħossni pjuttost tajba fejn qegħda bħalissa u nħossni pjuttost kompetittiva.”
Mistoqsija dwar iċ-ċansijiet ta’ Osaka fl-Australian Open, Fissette qal: “Dejjem se naraha bħala rebbieħa possibbli, imma jien ukoll realistiku.”
Min-naħa ta’ Osaka, hija qalet: “Nibqa’ dejjem kandidata għar-rebħ tal-unuri. Ma nistax inbassar ir-riżultati, iżda nwiegħdkom li se nkun tennista aħjar milli qatt kont qabel! Żgur!”