It-tennista Rumena, Simona Halep, irtirat mill-Open tal-Awstralja minħabba li qed tbati minn uġiegħ fi spallitha u f’irkopptejha.
L-eks numru wieħed fid-dinja, 33, irċeviet wildcard mill-organizzaturi tat-tournament il-ġimgħa li għaddiet iżda qalet li ħassitha skomda wara li lagħbet fl-avveniment ta’ esibizzjoni tal-World Tennis League, f’Abu Dhabi.
Ta’ min isemmi li Halep kienet ingħatat sospensjoni tad-doping ta’ erba’ snin li tnaqqset għal disa’ xhur din is-sena, u dejjem saħqet l-innoċenza tagħha wara li ġiet akkużata b’żewġ reati separati ta’ doping.
Issa l-eks champion tal-Open ta’ Franza u ta’ Wimbledon qed tipprova terġa’ tistabbilixxi ruħha fil-Grand Slams iżda l-injuries qed iżommuha milli tagħmel dan.