Waqt il-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-aħħar kompetizzjoni tas-sena issanzjonat mill-Malta Bowling Association (MBA) – il-Platinum Cup – iż-żagżugħ ta’ 21 sena, Matthew Magro, kiseb record nazzjonali meta lesta s-serje tiegħu b’skor totali ta’ 2764 u b’punteġġ medju ta’ 230.33.
Din intlagħbet fuq żewġ serje ta’ 6 logħbiet li ntlagħbu fuq jumejn. L-ewwel blokk ta’ logħob ra lil Magro jikseb is-16-il-aqwa serje fl-istorja tal-MBA wara li lesta l-ewwel nofs b’skor ta’ 1408 (punteġġ medju ta’ 234.67). L-għada, waqt it-tieni blokk tal-fażi tal-kwalifikazzjoni, Magro lagħab serje ta’ 1356 (punteġġ medju ta’ 226) biex jikseb din ir-rekord nazzjonali u jikkwalifika għall-finali tal-Platinum Cup fl-ewwel post – is-serje ta’ 1356 ukoll ġie irreġistrat fir-rekords tal-MBA fost l-aqwa tletin serje ta’ 6 logħbiet fl-istorja tal-assoċjazzoni.
Ir-rekord preċedenti ta’ 2753 (punteġġ medju ta’ 229.42) minn Mark Spiteri, ġie mtejjeb wara iktar minn erba’ snin. Spiteri kien kiseb ir-rekord nazzjonali tiegħu waqt in-National Seniors Championships fil-bidu t’Ottubru fl-2018.