Thursday, November 14, 2024

Terapisti tal-familja ma osservawx żieda fil-każijiet ta’ separazzjoni matul il-pandemija

Aqra wkoll

Dr Charles Azzopardi jgħid li hemm ħafna allarmiżmu; Dr Michael Galea jgħid li każijiet ta’ kunflitt bejn il-koppji mhix storja ġdida

Minn MARIA AZZOPARDI

Is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19 kienet sfida għal bosta nies u laqtet lin-nies b’modi differenti. Uħud qalu li jidher li l-pandemija ħalliet effetti negattivi fuq relazzjonijiet matrimonjali tant li f’ċertu każijiet ġie rrappurtat li kien hemm żieda fil-każijiet ta’ separazzjonijiet. Dawk il-koppji li spiċċaw jqattgħu ħafna ħin id-dar flimkien, żgur li kinitilhom esperjenza mhux tas-soltu.

L-ORIZZONT talab reazzjoni lil żewġ terapisti tal-familja dwar is-sitwazzjoni lokali fejn Dr Charles Azzopardi qal li huwa ma osservax din iż-żieda fit-talbiet dwar separazzjoni tant li ddeskriva dan bħala “ħafna allarmiżmu” u żied jgħid li lanqas hemm statistika li tindika dan. It-terapista tal-familja Dr Michael Galea qal li onestament, każijiet ta’ kunflitt bejn il-koppji mhix storja ġdida.

Azzopardi: Il-Covid-19 ħalla aktar ġid milli deni, anke fuq ir-relazzjonijiet

Mistoqsi dwar jekk il-pandemija ħallitx effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet matrimonjali, Azzopardi qal li din tippendendi minn kif wieħed iħares lejha. “Kien hemm anke effetti pożittivi fuq ir-relazzjonijiet. Fil-ħajja kollox jiddependi minn kif tħares lejh. Min kien negattiv xorta negattiv baqa’ u l-istess min kien pożittiv. Tajjeb li ma noqgħodux niddramatizzaw. Il-Covid-19 ħalla aktar ġid milli deni, anke fuq ir-relazzjonijiet. Qatt ma rajt koppji jimxu flimkien għall-eżerċizzju daqs kemm rajt waqt dan iż-żmien,” qal Azzopardi.

Fost il-fenomeni oħra li ġew osservati, Azzopardi qal li, “Ħafna tgħallmu li l-partner issapportjahom eżemplu meta qabel kienu jaħsbu li mhux supportive. Iltqajt ma’ nies jaħdmu fis-saħħa fejn il-partner tagħhom issapportjahom ħafna u minn hemm indunaw l-imħabba li hemm. Min ma kienx qed jaħdem iltqajt ma’ nies li qalu li qattgħu aktar ħin flimkien u kellhom iċ-ċans jitkellmu u jieħdu ħsieb it-tfal flimkien. Kienu aktar flimkien u vvintaw affarijiet flimkien. Kelli nies sa bgħatuli video biex juruni kemm involvew it-tfal. Kien hemm saħansitra każ fejn it-tfal xtaqu li jaraw lill-ġenituri jiżżewġu għax huma ovvjament ma kinux hemm. Il-ġenituri tagħhom ftehmu u reġgħu ċċelebraw it-“tieġ” mat-tfal billi libsu l-ilbies u għamlu festin għalihom.”

Galea: Każijiet ta’ kunflitt bejn il-koppji mhix storja ġdida

It-terapista tal-familja Dr Michael Galea qal li każijiet ta’ kunflitt bejn il-koppji mhix storja ġdida.

“L-ewwel nett min ma tantx kien żgur minn commitments li kien se jidħol għalihom, jew kien f’relazzjonijiet ma tantx stabbli, din l-esperjenza tal-pandemija u ħafna ħin flimkien setgħet tbeżżgħu milli jagħżel commitments għal tul ta’ żmien,” qal Galea filwaqt li qal li kunċett li hu importanti hawnhekk hu s-saħħa tal-attakkament li għandha persuna. Dan l-attakkament jew l-għaqda li persuna tħoss ma’ persuna oħra għandha l-bidu tagħha meta nkunu għadna żgħar fejn it-tarbiha u l-omm jew min jieħu ħsieba jibnu relazzjoni unika bejniethom. Skont din ir-relazzjoni, se tkun is-saħħa jew djufija ta’ relazzjonijiet futuri, apparti affarijiet u fatturi oħrajn. Dan l-attakkament mhux dejjem sod u kif mixtieq, imma ġieli wkoll ikun problematiku. Galea qal li problemi ta’ insigurtà fl-attakkament jistgħu jirriżultaw fi problemi fil-commitment fil-kuntest ta’ relazzjonijiet intimi.

Huwa qal: “Waqt il-pandemija għandek realtà interessanti fejn min iddeċieda li jitlaq minn relazzjoni, jinsab fi kwarantina u allura hemm min jistenna sakemm l-affarijiet jirrilaxxaw xi ftit. Għandek min jirrikorri għand l-avukat għas-separazzjoni immedjatament, għax is-sitwazzjoni tkun xebbagħtu jistenna u jittama. Pero ssib ukoll min jistenna u jirrikorri għal counselling qabel jaqtagħha li jmur għand avukat. F’kelma waħda, kulħadd għandu u għandha l-istorja partikolari tagħha. Wara kollox, mhux kulħadd jipprova jsolvi problemi ta’ relazzjoni l-istess.”

It-terapista tal-familja żied jgħid li koppji f’relazzjonijiet li jissapportjaw b’imħabba lil xulxin għandhom iktar ċans li jadattaw b’mod effettiv quddiem sfidi li taf toffri l-ħajja minn żmien għall-ieħor, sew jekk pandemija u sew jekk realtajiet oħrajn. “Anke dawn il-koppji jkollhom il-problemi tagħhom. Ħadd mhu eskluż, imma dawn għandhom adattament isħaħ fejn tidħol komunikazzjoni u sapport lil xulxin, li żgur jgħinhom u jsostnihom biex ikampaw aħjar,” qal Dr Galea.

Ekonomija

Sport