Għal sentejn sħaħ, matul il-gwerra f’Gaża, iċ-ċelebrazzjonijiet pubbliċi tal-Milied kienu kkanċellati f’Bethlehem, fil-West Bank okkupat.
Iżda wara l-waqfien riċenti mill-ġlied, ġie deċiż li f’din il-belt qaddisa jerġgħu jsiru l-festi, fejn inxtegħlet ukoll is-siġra tal-Milied biswit il-Knisja tan-Natività.
“Kienu sentejn koroh ta’ silenzju, l-ebda Milied, l-ebda xogħol, xejn,” qal is-Sindku ta’ Bethlehem Maher Canawati. “Aħna lkoll ngħixu hawn mit-turiżmu. U t-turiżmu niżel għal żero.”
F’kumment li ta lill-midja internazzjonali, Canawati qal: “xi wħud jistgħu jgħidu li mhux xieraq u oħrajn jgħidu li hu xieraq. Imma fil-fond ta’ qalbi ħassejt li dan kien l-aħjar li nagħmlu għax il-Milied qatt m’għandu jieqaf jew jiġi kkanċellat. Dan huwa d-dawl tat-tama għalina.”
Residenti lokali, kemm Insara kif ukoll Musulmani, waqfu jieħdu ritratti quddiem is-siġra kbira tal-Milied. Dwal ikkuluruti żejnu t-toroq u kien hemm anke sinjali li jirreklamaw is-swieq tal-Milied u parties għat-tfal.


