Pauline Pisani ta’ 40 sena minn Tal-Pietà, iżda residenti l-Qala Għawdex tressqet il-Qorti fejn ġiet mixlija li reġgħet frodat lill-istess anzjan li allegatament kienet frodat din is-sena stess.
Hija ġiet akkużata li kisret uħud mill-kundizzjonijiet imposti fuqha biex tkun tista’ tingħata l-ħelsien mill-arrest dwar l-ewwel każ.
Pisani kienet tressqet il-Qorti f’April ta’ din is-sena fejn kienet ġiet mixlija li matul ix-xhur li għaddew iffrodat anzjan madwar €30,000 wara li saru ħbieb fuq il-post tax-xogħol.
L-imputata wieġbet mhux ħatja tal-akkużi.
Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, l-Ispettur Keith Xerri spjega li wara li f’April, Pisani kienet tressqet il-Qorti, hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni f’Ġunju kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li bl-ebda mod ma tkellem jew taviċina lill-anzjan li allegatament frodat.
Kompla jispjega li l-anzjan ftit wara li Pisani ngħatat l-ħelsien mill-arrest kien ressaq rapport lill-pulzija li l-imputata kienet reġgħet qiegħda tibgħatlu l-messaġġi u anke titolbu l-flus.
L-Ispettur Xerri qal li l-għada li daħal ir-rapport kellu informazzjoni li l-imputata u l-anzjan kienet qegħdin ma’ xulxin ħdejn l-ATM li hemm fil-bidu tal-Qala.
L-investigaturi marru jaraw il-kameras tas-sigurtà tal-ATM fejn deher ċar li l-imputata kienet qiegħda tieħu xi flus mingħand l-anzjan.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija talbu mandat ta’ arrest fejn wara li ġiet arrestata u mitkellma mill-investigaturi tressqet il-Qorti.
L-avukat tal-Għajnuna Legali Dr Marsette Portelli Xerri qalet li f’dan l-istadju ma kinitx se titlob għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk il-Qorti ordnat li Pisani tibqa’ tinżamm fil-Faċlità Korrettiva tal-Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri filwaqt li Dr Marsette Portelli Xerri mexxiet id-Difiża.

