Saturday, December 21, 2024

Terminat il-kuntratt tal-kuntrattur responsabbli mill-proġett tal-Hub Reġjonali f’Raħal Ġdid

Azzjoni favur il-prijorità tas-servizz u s-saħħa tal-pazjent

Aqra wkoll

Il-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva jibgħat avviż ta’ terminazzjoni lill-kuntrattur responsabbli mill-proġett tal-Hub Reġjonali f’Raħal Ġdid.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara perjodu ta’ evalwazzjoni, li matulu l-Ministeru, flimkien mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, esplora kull triq possibbli biex jevita dan l-eżitu u fuq kollox id-dewmien biex jitlestew ix-xogħlijiet. Sfortunatament, minkejja l-aħjar sforzi u t-tentattivi ripetuti, il-kuntrattur ripetutament naqas milli jilħaq l-iskadenzi kritiċi u wassal biex il-proġett kompla jesperjenza dewmien.

Minħabba f’hekk, il-Fondazzjoni Għas-Servizzi Mediċi ħarġet diversi penali skont it-termini tal-kuntratt u skont ir-rekwiżiti legali. Il-Ministeru pparteċipa fi proċess ġudizzjarju kontra l-kuntrattur li issa wasal fl-istadju finali tiegħu.

Wara li ġew eżawriti l-għażliet l-oħra kollha, ġie ddeterminat li t-terminazzjoni tal-kuntratt hija l-unika soluzzjoni vijabbli biex jiġi żgurat li l-Hub Reġjonali jitlesta u jitwassal lill-pubbliku kemm jista’ jkun malajr. L-ewwel prijorità tagħna tibqa’ s-saħħa tal-pazjenti tagħna, u aħna impenjati li nwasslu din il-faċilità kruċjali mingħajr aktar dewmien.

Il-Ministeru jisħaq li l-kuntrattur dejjem tħallas dak li hu dovut skont il-kuntratt, madankollu għandna obbligu ukoll li nħarsu li l-fondi pubbliċi jintużaw fl-aħjar interess tal-poplu. Għaldaqstant, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi diġà qed tieħu passi biex kemm jista’ jkun jitkolmplew l-aħħar xogħolijiet u titħaffef it-tlestija tax-xogħolijiet.

Ekonomija

Sport