Monday, November 3, 2025

Terremot qawwi fl-Afganistan joqtol 20 persuna

Aqra wkoll

Mill-inqas 20 persuna mietu wara terremot qawwi li laqat it-Tramuntana tal-Afganistan. Skont l-awtoritajiet lokali l-għadd tal-vittmi mistenni jiżdied hekk kif qed ikomplu l-isforzi ta’ salvataġġ. Madwar 320 persuna oħra indarbu f’dan it-terremot.

It-terremot laqat iż-żona ħdejn Mazar-e-Sharif, waħda mill-akbar bliet fl-Afganistan, fejn jgħixu madwar 500,000 persuna, fis-sigħat bikrin tal-bieraħ, għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu (ħin lokali).

Il-qawwa tat-terremot imkejla kienet ta’ 6.3 u fond ta’ madwar 28 kilometru taħt wiċċ l-art, skont l-Istħarriġ Ġeoloġiku tal-Istati Uniti. Il-qawwa kienet immarkata f’livell ta’ twissija oranġjo, li jindika li x’aktarx ikun hemm għadd sinifikanti ta’ vittmi.

It-terremot seħħ qrib Mazar-e Sharif, waħda mill-akbar bliet fil-pajjiż li fiha jgħixu madwar 500,000 persuna. Ħafna mir-residenti tal-belt ħarġu jiġru fit-toroq meta seħħ it-terremot, għax beżgħu li djarhom kienu se jiġġarrfu, irrappurtat l-aġenzija tal-aħbarijiet AFP.

Il-kelliem tat-Taliban f’Balkh tella’ vidjo fuq X li juri debris imxerred mal-art madwar il-famuża Moskea Blu f’Mazar-e-Sharif, meqjuma mill-Musulmani Shia. Il-kumpless reliġjuż huwa maħsub li fih il-qabar tal-ewwel Shia Imam – mexxej reliġjuż li huwa maħsub li għandu għarfien divin. Huwa post fejn il-pellegrini jinġabru biex jitolbu u jiċċelebraw avvenimenti reliġjużi.

Skont il-kelliem tat-Taliban għall-pulizija f’Kabul, ġew irrappurtati wkoll bosta fatalitajiet f’Samangan, provinċja muntanjuża ħdejn Mazar-e-Sharif.

It-terremot tat-Tnejn seħħ wara terremot ieħor ta’ kobor 6.0 li laqat ir-reġjun muntanjuż tal-Lvant tal-Afganistan fl-aħħar ta’ Awwissu, u qatel aktar minn 1,000 ruħ.

Dak it-terremot kien partikolarment fatali peress li d-djar rurali fir-reġjun kienu tipikament magħmula minn tajn u njam. Ir-residenti nqabdu meta djarhom waqgħu waqt it-terremot.

L-Afganistan huwa suxxettibbli ħafna għat-terremoti minħabba li jinsab fuq numru ta’ linji fejn jiltaqgħu t-“tectonic plates” Indjani u Ewrasjatiċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport