Saturday, December 21, 2024

Terz tal-ikel jinħela mentri aktar minn 800 miljun persuna tmur torqod bil-ġuħ

Illum huwa l-Jum Dinji tal-Ikel…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Huwa inaċċettabbli li fid-dinja għandna 811 miljun persuna li ta’ kull filgħaxija jmorru jorqdu bil-ġuħ”. Hekk iddikjarat l-aġenzija tal-Ġnus Magħquda tal-Programm tal-Ikel (WFP) fil-Jum Dinji tal-Ikel li qegħdin niċċelebraw illum. Dan aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li terz tal-ikel prodott madwar id-dinja kollha huwa rrapportat moħli.

F’kampanja edukattiva li l-għan tagħha huwa li jkun hemm inqas ħela biex kulħadd ikollu ikla ta’ kuljum, il-WFP tellgħet filmat li fih tispjega l-bżonn li nippjanaw u nnaqsu x-xiri tal-ikel; niċċekjaw id-dati tal-iskadenza; nużaw l-ikel li jkun għad fadal l-għada; kif ukoll inqassmu t-tisjir u niffriżaw minnu.

B’dan il-mod tonqos il-ħela tal-ikel, tonqos l-ispiża u fl-istess ħin ikun hemm għajnuna għal min huwa bil-ġuħ. Il-WFP, li l-għan tagħha huwa li ssalva l-ħajjiet u tgħin lil dawk inqas ixxurtjati, tisħaq fl-importanza li naqsmu l-ikel bejnietna. Il-ħela li hemm bħalissa ta’ prodotti tal-ikel hija stmata li tilħaq madwar €1 triljun fis-sena. Għaldaqstant jingħad li, jekk issir ħidma konġunta biex ma jkunx hemm din il-ħela, il-ġuħ fid-dinja jispiċċa.

Il-Jum Dinji tal-Ikel 2021 huwa fit-tieni sena tal-pandemija tal-Covid-19 li ħalliet effetti negattivi akbar mis-snin preċedenti fejn jidħol il-faqar u n-nuqqas ta’ ikel. It-tema magħżula għal din is-sena hija “Ikel Sigur Issa għal Futur San”. Din intagħżlet bħala apprezzament għall-individwi li b’xi mod ikkontribwew ħalli jinħolqu modi sostenibbli biex ħadd ma jbati l-ġuħ. 

Bi slogan qawwi, “L-azzjonijiet tagħna huma l-futur tagħna – produzzjoni aħjar, nutrizzjoni aħjar, ambjent aħjar u ħajja aħjar”, l-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikoltura tal-Ġnus Magħquda (FAO), tisħaq li l-ikel li nagħżlu u l-mod kif nikkonsmawh jaffettwaw saħħitna u lill-pjaneta tagħna. Fil-fatt huwa ppjanat li jittieħdu miżuri ġodda li se jbiddlu l-mod kif il-popolazzjoni dinjija tipproduċi u tikkonsma l-ikel b’mira ċara li jintlaħaq mod sostenibbli għal kulħadd.

Ħidma kollettiva li fiha tgħaqqad 150 pajjiżi hija r-raġuni wara l-fatt li l-Jum Dinji tal-Ikel huwa l-aktar wieħed iċċelebrat fil-kalendarju tal-Ġnus Magħquda. Mijiet ta’ avvenimenti u attivitajiet jgħaqqdu gvernijiet, organizzazzjonijiet, negozji, midja u lill-pubbliku biex ikun hemm aktar għarfien u tittieħed azzjoni konkreta bħala għajnuna għal dawk li jsofru mill-ġuħ u biex ikun hemm ukoll dieta sana għal kulħadd.

Din l-organizzazzjoni tisħaq li, “wasal iż-żmien li nħarsu lejn il-futur li għandna bżonn nibnu flimkien”.

Ekonomija

Sport