It-tesserati tal-PN m’għandhomx għażla, bejn Adrian Delia li kien diġà kap tal-Partit u m’għamel xejn u Alex Borg li għadu żgħir u bla esperjenza, it-tnejn li huma jidhru li se jbagħtu biex jiksbu rebħa għall-PN fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Din l-analiżi kienet waħda mill-aktar diffiċli biex tinkiteb, għax b’mod superfiċjali Adrian Delia u Alex Borg huma differenti ħafna, iżda meta tidħol biex tidentifika d-differenzi, issib li dawn huma kollha superfiċjali u fil-verità mhemm xejn.
Din dehret ukoll f’Vox Pop li għamel dan is-sit, li staqsiet aktar minn 30 persuna għal kumment u kulħadd bl-istess tweġiba “ma nafx”. L-esperjenza konsegwenza tal-età, biżżejjed?
Waħda mill-aktar differenzi ovvji hija l-età. Bħala konsegwenza naturali tal-età għandek l-esperjenza fejn Adrian Delia suppost huwa ferm aktar matur. Il-fatt li huwa għandu dik l-età, wieħed jista’ jinterpreta u jdawwarha kif irid, iżda met l-persuna diġà kien kap u kellu ċ-ċans jagħmel id-differenza u m’għamiliex, l-esperjenza tat-tesserati, votanti u l-pajjiż, li kienet waħda qarsa, tieħu prijorità fuq l-esperjenza tal-individwu.
Meta l-Partit Nazzjonalista kontinwament qal li hemm bżonn bidla, l-esperjenza ta’ persuna li diġà kien hemm se tibqa’ valida jew se tiġi bħala żvantaġġ . Alex min-naħa l-oħra għadu żagħżugħ u jidher li m’għandux esperjenza fil- politika, hekk kif qed jirriċikla narrattivi li kienu jintużaw minn ta’ qablu.
Min barra hekk u għadu qed iżomm madwaru nies li għamlu ħsara kbira lill-PartiNazzjonalista, bħall-Għaqda Repubblika. B’hekk fl-istess waqt jekk il-kandidat li suppost huwa differenti, jibqa’ mdawwar bl-istess nies u jżomm mal-istess narrattiva, kif nistgħu nemnu li dan se jġib il-bidla?
Lura jew ’il quddiem Delia jgħid li 25 sena taħt Gvern Nazzjonalista sar progress iżda nesew in-nies. Dan għandu messaġġ doppju; l-ewwelnett qed jammetti li gvern Nazzjonalista qatt ma poġġa lin-nies fiċ-ċentru imma poġġa biss lil dawk li kienu jaqilgħu l-flus u ħbieb tal-ħbieb, iżda t-tieni messaġġ huwa ferm aktar inkwetanti għax jirrifletti fuq it-tip ta’ persuna li hu, għax qisu hu biss jista’ jġib il-bidla li hemm bżonn u jpoġġi n-nies fiċ-ċentru.
Fl-istess waqt meta kellu ċ-ċans iġib il-bidla huwa xorta ma rnexxilux. Dawn it-tip ta’ nies fil-politika huma perikolużi għax jaħsbu li huma s-salvaturi, mingħajrhom xejn u ħadd mhu kapaċi u ta’ qabilhom setgħu ma eżistewx għax ma jistgħux jiġu kkumparati magħhom. Dan it-tip ta’ atteġġjament, li tiegħu biss tajjeb, la għal persuna u wisq aktar għal politiku li għandu f’idejh pajjiż ma jagħmel ġid, anzi jinstema biss bħala persuna arroganti.
Min-naħa l-oħra, Alex Borg faħħar lil kull min kien qablu u ma ddistingwa lilu
nnifsu bl-ebda mod. Huwa ħabbar partijiet differenti tal-istrateġija għall-kampanja elettorali tiegħu, fosthom li darba fil-ġimgħa l-Kap idur lokalità differenti. Forsi nesa li f’Malta u Għawdex hawn madwar 65 lokalità, jekk darba fil-ġimgħa se jdur lokalità differenti hemm ċans kbir li sal-elezzjoni ma jkunx dar il-lokalitajiet kollha.
Din hi l-inisperjenza politika li tagħmel il-ħsara għax turi n-nuqqas ta’ prattiċità, għalkemm ma tridx tkun l-akbar espert politiku biex tirrealizza li sena fiha 52 ġimgħat u kunsilli lokali hemm aktar minn 65.
Alex deher li ffoka aktar fuq il-pubbliku ġenerali matul il-kampanja u ffoka aktar fuq kontenut bħal propost għal elezzjoni ġenerali. Rajnih aktar fil-media milli rajna lil Adrian Delia, però meta l-elezzjoni għal kap hija għat-tesserati u mhux għall-pubbliku ġenerali, mhux neċessarjament tagħmel id-differenzau laħaq l-udjenza li ried.
Din l-elezzjoni hija waħda xotta, mimlija narrattivi però sugu ftit li xejn hemm. Naħseb din hija l-problema li qed jiffaċċjaw u jħabbtu wiċċhom magħha t-tesserati tal-PN li jidher li l-maġġorparti tagħhom għadhom mhumiex ċerti lil min se jivvotaw.