Il-kwistjoni tad-dejn tal-Partit Nazzjonalista, fejn ma jonqsux l-ispekulazzjonijiet ta’ kemm jammonta, hi fuq fomm ħafna tesserati. Huma diversi dawk li tkellmu biex jinbdew inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi mill-membri u tesserati biex jinqata’ d-dejn. Mhux kulħadd qed jaqbel. Hemm min lest li jagħmel dan, imma jrid sodisfazzjon għaliex il-Partit Nazzjonalista spiċċa f’dan l-istat finanzjarju diżastruż. Hemm min qed jistaqsi għal inkjesta interna. Oħrajn qegħdin jistaqsu fejn marru l-flus tal-maratoni ġbir ta’ fondi u kif dak miġbur ma intużax biex jibda jitnaqqas id-dejn.
Rodrick Caruana, kunsillier f’Raħal il-Ġdid kiteb fi grupp magħluq dwar dan. Jgħid li “waħda mill-akbar problemi li qed jaffaċċja l-Partit Nazzjonalista llum hu d-dejn kbir. Ejja nkunu ċari: kif jista’ partit jirbaħ elezzjoni jekk il-ħsieb ewlieni tal-mexxejja tiegħu hu biex iżommu l-bastiment ma jegħreqx? Hemm min jgħid: “Dak mhux il-problema tiegħi.” Iva, hija l-problema tiegħek u ta’ kull wieħed u waħda minna. Għax jekk ma nindirizzawx dan id-dejn b’mod dirett u immedjat, se nibqgħu nduru fl-istess ċirku.”
Jisħaq li “ħafna jaħsbu: “Impossibbli niġbru dawn il-flus kollha f’daqqa.” Imma jiena ngħid: intom tafu li hu possibbli u jekk naħdmu bħala tim, nistgħu niġbruh fi żmien inqas minn sena. B’hekk inkunu nistgħu nidħlu f’kampanja elettorali b’saħħitna, mingħajr piżijiet, u niffokaw fuq ideat u fuq il-poplu. Il-mistoqsija hi din – kif se nħallsu dan id-dejn? It-tweġiba hija sempliċi imma trid rieda, kuraġġ u impenn. Ejja mmorru għand in-nies tagħna, għand il-partitarji, is-simpatizzanti, u kull min għadu jemmen f’dan il-partit. Nitolbuhom jagħtu donazzjoni €500 sa €1,000 — jistgħu jħallsuhom fuq 5 snin, jew f’daqqa dan ikun impenn personali lill-partit. Kull min jikkontribwixxi jkun mogħti s-sħubija għall-ħajja fil-Partit, u isimhom jitpoġġa fuq Ħajt ta’ Unur f’Dar Ċentrali, bħala rikonoxximent tal-fidi u s-sagrifiċċju tagħhom.”
Intant il-kontestanti għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonlista qegħdin jitkellmu fuq il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista għalkemm qegħdin ikunu kawti u mhux jagħmlu riferenzi għal inkjesti interni biex jiġi determinat x’wassal biex is-sitwazzjoni finanzjarja saret prekarja.
Alex jikkonsidra kiri ta’ każini u jippubblika l-kontijet f’100 jum…
Delia jipproponi użu aħjar tal-assi inkluż parti mill-Kwartieri Ġenerali
Iż-żewġ kandidati għar-rwol ta’ Kap ġdid tal-PN, Adrian Delia u Alex Borg, ħarġu jitkellmu dwar kif beħsiebhom jindirizzaw id-dejn enormi li akkumula f’dawn l-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista. It-tnejn li huma jafu u wegħdu l-pubblikazzjoni tal-kontijiet finanzjarji kif ukoll it-tnejn beħsiebhom jużaw assi ta’ proprjetà tal-Partit biex itaffu dan id-dejn.
F’intervent li għamel Borg ammetta li hemm problema kbira ta’ dejn li akkumula tul is-snin u qal li jekk jiġi elett Kap tal-PN, huwa se jaħtar kumitat apposta ħalli jindirizza din il-kwistjoni. Fost is-soluzzjoni li qiegħed jara u jikkonsidra hemm dik li jimmassimizza l-assi tal-PN. Hawn qiegħed jipproponi li jikri l-każini tal-Partit.
Delia min-naħa tiegħu qiegħed imexxi fuq tliet strateġiji ewlenin biex jipprova jerġa’ jikseb l-istabbiltà ekonomika tal-Partit li jrid jerġa’ jittanta jmexxi. Delia qiegħed jimmira lejn aktar kollaborazzjonni u jrid trasparenza permezz tal-pubblikazzjooni tal-kontijiet. Qiegħed ukoll jipproponi l-monetizzazzjoni tal-assi fi proprjetà inkluż parti mill-Kwartieri Ġenerali tal-PN.
Borg: “Forsi saru żbalji imma nistgħu nirranġawhom…”
Iż-żgħażugħ Alex Borg, li f’dawn il-ġranet kien ukoll fil-mira ta’ kritika minn sostenituri tal-kandidat l-ieħor, Adrian Delia, għandu f’moħħu pjan għall-ġestjoni finanzjarja tal-PN. “Iridu jittieħdu ċerti deċiżjonijiet li verament nuru li aħna lesti għall-bidla. Fosthom dawn hemm proprju li nappunta kumitat tekniku sabiex dan jittekilja l-problemi finanzjarji li għandna,” beda jispjega l-kandidat Għawdxi.
Hawn huwa spjega x’inhu l-ħsieb wara dan il-kumitat li mistenni jindirizza l-problema kbira tad-dejn tal-PN. “Jiġifieri dan il-kumitat, li huwa kompost minn persuni tekniċi fis-settur finanzjarju. Persuni li anke kienu fil-politika li llum il-ġurnata anke laħqu rwoli kbar fis-settur privat, dawn lesti li jagħtu l-appoġġ lill-Partit biex jagħtuh l-aħjar pariri ta’ fejn irridu mmorru,” elabora Borg.
Waħda mill-ewwell prijoritajiet ta’ dan il-kumitat se tkun li jindirizza l-arretrati tal-kontabilità tal-PN li Borg qal li jmorru lura sa erba’ snin. Hawn sostna kif “ma jimpurtax. Aħna kapaċi. Forsi saru żbalji imma nistgħu nirranġawhom. Ma naqtgħux qalbna u nirranġawhom flimkien”. Kien hawn li Borg wiegħed il-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti fl-ewwel 100 ġurnata “jekk proprju l-partitarji jagħżlu li jeleġġuni bħala kap”.
Delia: “Naf x’kien hemm…Nobbliga ruħi minn issa li jiġu ppubblikati”
F’intervista minn mindu tefa’ l-interess tiegħu għar-rwol ta’ Kap tal-PN, Delia wkoll ammetta li, “il-Partit għandu problemi finanzjarji. Mela dik irridu nindirizzawha. Jien kont diġà dħalt fiha… naf x’kien hemm dak iż-żmien u sakemm kont hemm jiena, kont nippubblika l-accounts u nobbliga ruħi minn issa li dawn l-accounts jiġu ppubblikati”. Dan għax jemmen li huwa pass fundamentali lejn l-irkupru finanzjarju tal-PN.
Dan l-eks mexxej tal-PN u kandidat preżenti kien semma’ l-midja tal-Partit fejn saħaq li jekk jimmaniġjaw sew l-infieq, huwa konvint li jindirizza l-problema tad-dejn. Fil-fatt kien irrimarka li mhux id-dejn kollu huwa direttament mal-Partit innifsu, bħal dak tal-Media.Link u qiegħed jara kif jisseparaw l-operat biex ikun hemm traparenza ċara.
Borg: Sfruttament tal-każini
Wara t-tnedija tal-kumitat il-pjan ta’ Alex Borg imur oltre fejn qal li biex isolvi l-problema tad-dejn tal-PN se jsir pjan biex ikunu sfruttati aħjar l-assi tal-Partit. Dan “sabiex nimmassimizzaw l-introjtu li jidħol mill-assi tal-Partit. Aħna tinsewx ħbieb, il-Partit Laburista jipprova jpitter ritratt li aħna qisu għandna dejn biss. Però aħna għandna l-assi wkoll ta’… Aħna għandna każini ta’… F’kull raħal ta’…”
Kien hawn li ħareġ partiġġjaniżmu sfrenat fejn iddikjara li bħala Parti m’għandhomx biex jinkwetaw imma huwa l-PL li għandu biex jinkwieta. Borg lanqas għadu laħaq Kap tal-PN u diġà beda bir-retorika ta’ attakki kontra l-Partit fil-Gvern kif kienu jagħmlu ta’ qablu.
Dan il-kandidat li skont ma qal Adrian Delia stess, “ittradixxa” allegat ftehim qabel l-elezzjoni tal-Kap ġdid tal-PN, insista li jrid jimmassimizza l-assi tal-PN. “Ma jimpurtax. Aħna għandna każini li qegħdin fiċ-ċentru tar-raħal li nistgħu nużawhom, nikruhom u ndaħlu income tajjeb ħafna minnhom u nimmassimizzawhom. Apparti minn hekk… u dawn huma tan-nies. Dawn huma l-każini tagħkom li aħna kapaċi wkoll nisfruttawhom. Dawn huma kollha tal-Partit,” qal f’kontradizzjoni Borg.
Delia: Kapitalizzazzjoni aħjar tal-proprjetà u t-tesserati…
Adrian Delia dwar assi sostna li hemm soluzzjonijiet u jistgħu jsiru affarijiet. “Kellna pjan definit mifrux fuq medda ta’ snin”. Huwa spjega kif il-PN għandu diversi proprjetajiet “tagħhom għax ħadmu għalihom li jistgħu jkunu kapitalizzati aħjar. Prattikament li l-proprjetajiet imsemmija mhumiex jintużaw b’mod produttiv.
Fost id-“diversi soluzzjonijiet” Delia qiegħed iħares ukoll lejn it-tesserati “pjuttost sostanzjali” Nazzjonalisti li barra l-ħlas ta’ darba tat-tessera, l-azzjonisti li huma l-bażi tal-PN… li jkunu huma wkoll qed isostnu lill-Partit”. Dawn huwa minn fejn, skont Delia jistgħu jiġbru l-flus.
Dwar iffrankar, Delia aċċenna għas-sezzjoni tal-midja tal-Partit li mill-figuri li ta, kienu qegħdin jitilfu €1.4 miljun fis-sena u l-ġestjoni tad-dejn fejn jidħlu anke imgħaxijiet. “Mela dak li m’intix titlef mill-cash flow tiegħek, irbaħtu,” insista Delia.
Lejn tmiem l-intervent Alex Borg semma’ pjan ieħor li se jgħin l-imsemmi kumitat. “Jien ma niddejjaqx ngħid. Hija trasparenza u hija importanti… F’Marzu għandna ammont ta’ ċedoli li se jiskadu. Ħafna minnhom se jiġġeddu. Dawk il-ftit li ma jiġġeddux li jitolbu l-flus lura, dan it-tim tekniku diġà sabli soluzzjonijiet ta’ kif il-Partit jista’ jsolvi din il-problema u ħa nimxu ‘l quddiem. Taqtgħux qalbkom,” ipprova jassigura lill-partitarji tal-PN, il-kandidat Alex Borg.
Hawn naraw l-isfidi kbar finanzjarji iżda mhux biss, li jrid jiffaċċja min bejn Adrian Delia u Alex Borg, jinħatar Kap ġdid tal-PN.