Friday, March 14, 2025

Testijiet għad-droga fuq priġunieri fl-2024 jirriżultaw fin-negattiv

Aqra wkoll

It-testijiet għad-droga li ġew konklużi s-sena li għaddiet fuq dawk il-priġunieri li jkun ilhom aktar minn 30 ġurnata fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kollha rriżultaw fin-negattiv. Dan filwaqt li fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, kien hemm biss każ wieħed li nstab pożittiv waqt li ma kienx residenti ġewwa l-ħabs, iżda kien qed jattendi programm ta’ riabilitazzjoni ġewwa l-Caritas. 

Dan ħareġ minn tagħrif li ngħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fuq mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott. 

Il-Ministru Camilleri spjega illi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin isiru żewġ tipi ta’ testijiet ta’ droga. Isiru testijiet fuq dawk li jkunu għadhom deħlin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u testijiet fuq dawk li huma diġà residenti f’din il-Faċilità. 

Huwa stqarr li fil-każ tat-testijiet fuq dawk li jkunu għadhom deħlin fil-Faċilità minn barra jkun hemm ħafna li jirriżultaw fil-pożittiv, u għalhekk dan jikkonferma kemm hu importanti li l-ħabs jibqa’ ħieles mid-droga biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jagħmlu r-rijabilitazzjoni ’l bogħod mill-vizzju. 

Il-ħabs inbidel f’post ordnat, bla droga u tentattiv ġenwin ta’ riabilitazzjoni

Sadanittant, f’mistoqsija oħra, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott staqsa lill-istess Ministru sabiex jelenka x’passi ttieħdu wara r-rapport tal-Ombudsman fir-rigward tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li fl-aħħar snin, il-ħabs responsabbiltà tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi nbidel minn post bla ebda forma ta’ ordni, dixxiplina jew riabilitazzjoni u ħabs mimli droga, għal post ordnat, bla droga u tentattiv ġenwin ta’ riabilitazzjoni.

Huwa qal li jinsab infurmat li kif jindika r-rapport innifsu l-investigazzjoni li qed jagħmel referenza għaliha nbdiet fl-2021 bil-ħsieb li tiffoka fuq it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’perjodu li issa jmur lura għal iktar minn tliet snin. 

“Kull rapport ikun evalwat bis-serjetà u b’rispett lejn l-uffiċċju li jkun ippubblikah, f’dan il-każ l-uffiċċju tal-Ombudsman. Tant hu hekk li l-amministrazzjoni tal-faċilità se tkun qed tikkomunika uffiċjalment mal-uffiċċju tal-Ombudsman. Iżda, l-istess amministrazzjoni u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol ilhom snin jieħdu azzjonijiet konkreti, inkluż fil-perjodu li kien qed jinkiteb dan ir-rapport u wħud minnhom ssir proprju referenza għalihom fl-istess rapport, hekk kif kienu tliet snin ta’ bidliet u azzjonijiet kontinwi,” tenna l-Ministru. 

Huwa żied isemmi wħud mill-inizjattivi ewlenin li ttieħdu fl-aħħar snin li jinkludu dawn li ġejjin;

•⁠ ⁠It-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Priġunieri

•⁠ ⁠L-introduzzjoni ta’ care plan għal kull priġunier li jidħol fil-ħabs

•⁠ ⁠Xogħol fuq tliet half-way houses ġodda f’Malta waħda minnhom se tkun l-ewwel waħda għall-priġunieri nisa

•⁠ Sar xogħol fid-diviżjoni tan-nisa sabiex ikun hemm post għall-omm u t-tarbija

•⁠ ⁠Saru aktar minn 40 Standard Operating Procedure li jitrattaw l-operat ta’ kuljum tal-Aġenzija

•⁠ ⁠Issaħħu s-sistemi diġitali fosthom bl-Offender Management System li tgħaqqad l-imsieħba kollha fis-settur

•⁠ ⁠L-istaff tal-professjonisti li fost oħrajn jinkludi Psikologi, Psikjatri u Social workers illum ilaħħaq is-87

•⁠ Żdiedu s-servizzi mediċi offruti bħal dentistrija u oftalmoloġija u llum fl-Aġenzija hemm erba’ tobba u magħhom 11-il infermier f’kull shift

•⁠ ⁠Sar admission hub fejn priġunieri ġodda qed jagħmlu l-ewwel ġimgħa fiha qabel imorru ikunu assenjati d-division

•⁠ ⁠Iddaħħal il-kunċett ta’ safe cell f’numru ta’ diviżjonijiet fejn ikun hemm anke monitoraġġ permezz tas-CCTV

•⁠ ⁠Ġie ngaġġat uffiċjal edukattiv u ġie rinnovat iċ-ċentru edukattiv għall-priġunieri

•⁠ ⁠Ġie rinnovat iċ-ċentru ta’ taħriġ għall-uffiċjali

•⁠ ⁠Qed isir mental first aid kors lil kull ħaddiem fl-Aġenzija kemm uffiċjali u kemm dawk pajżana

•⁠ ⁠Tkabbret u nbidlet b’mod komplut il-kċina tal-ħabs u magħha tjieb is-servizz tal-ikel

•⁠ ⁠Sar rinnovar tal-forensic unit u f’numru ta’ diviżjonijiet, liema xogħol huwa wieħed kontinwu

•⁠ ⁠Infetaħ post fil-Marsa biex il-priġunieri jiltaqgħu ma’ uliedhom f’ambjent ’il bogħod mill-ħabs

•⁠ ⁠Ingħataw iktar opportunitajiet ta’ xogħol permezz tal-prison industry

•⁠ ⁠Qed issir kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet biex jiġu offruti numru ta’ korsijiet fosthom mal-MCAST.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport