Sunday, December 22, 2024

Tfajjel talab tilqima tal-Pfizer għal Santa Klaws biex isalva l-Milied

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn CARMEN CACHIA

Żmien il-Milied huwa żmien li fih naħsbu f’ħaddieħor. It-tfal ikunu ħerqana għar-rigali li ta’ kull sena jsibu taħt is-siġra tal-Milied minn Santa Klaws. Din is-sena l-innoċenza ta’ tifel Irlandiż serqet ħafna qlub meta f’dan il-perjodu ta’ pandemija globali, kiteb lill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Pfizer u talbu jwarrab tilqima proprju għall-maħbub Santa Klaws, bil-għan li dan l-eroj ta’ miljuni ta’ tfal madwar id-dinja, ikun ukoll protett mill-virus perikoluż li ħakimna din is-sena.

Meta ċ-ċkejken ta’ sitt snin, Callum Thornhill, sema’ bl-aħbar li l-Pfizer żviluppaw tilqima sigura u effettiva kontra l-Coronavirus, huwa ddeċieda li jikteb lill-kumpanija b’talba urġenti biex jagħtu prijorità lil Santa Klaws.

Ommu, Paula Linehan, qalet lill-midja lokali li binha kien sema’ b’din l-aħbar fuq ir-radju meta kien fi triqtu lejn l-iskola f’Novembru li għadda. Żiedet tgħid li dakinhar stess, kif Callum irritorna d-dar mill-iskola, kiteb ittra lill-kumpanija ta’ Pfitzer. L-ittra tiegħu kienet tgħid hekk:

“Għażiż Pfizer, smajt li għamiltu tilqima ġdida għall-Coronavirus. Prosit. Tista’ jekk jogħġbok tibgħat ftit fin-North Pole għal Santa u l-assistenti tiegħu (elves) jekk jogħġbok? Irridu nsalvaw il-Milied u nassiguraw li t-tfal kollha jkunu kuntenti.”

“It-tfal huma mimlija kompassjoni u tama”

Skont rapport mill-ġurnal “Irish Examiner”, ftit tal-ġimgħat wara Callum irċieva risposta mill-Kap Eżekuttiv tal-Pfizer, Albert Bourla. Bourla wara kiteb fuq LinkedIn li, “huma ittri bħal dawn – minn tfal mimlija kompassjoni u tama – li jfakkruna għala x-xogħol li nagħmlu ta’ kuljum huwa tant importanti”.

Lil Callum huwa rrispondih b’dan il-mod: “irridek tkun taf li qegħdin nagħmlu dak kollu possibbli biex inġibu tama lill-popli tad-dinja. Se naċċertaw ruħna li nieħdu ħsieb ta’ Santa Klaws u l-elves tiegħu wkoll”.

L-Unjoni Ewropea approvat it-tilqima tal-Pfizer-BioNTech u l-membri stati qegħdin jistennew li jirċievu l-ewwel konsenji tagħhom. Malta rċeviet l-ewwel konsenja ta’ din it-tilqima l-Ħadd li għadda. It-tqassim ta’ din it-tilqima tant mistennija beda hekk kif il-mexxejja Ewropej qegħdin jissieltu kontra t-tieni mewġa tal-virus fejn ħafna pajjiżi kellhom jerġgħu jżidu l-miżuri u jinfurzaw lockdowns. Dawn ir-restrizzjonijiet f’xi postijiet baqgħu fis-seħħ anke fi żmien il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

F’dan il-perjodu ta’ festi, aktar minn 50 gvernijiet, inkluż dak Irlandiż, iddeċidew li jwaqqfu t-titjiriet mir-Renju Unit wara li l-awtoritajiet Brittanniċi ħabbru li beda jinxtered, b’rata mgħaġġla ħafna, varjant ġdid f’Londra u fix-Xlokk tal-Ingilterra.

Ekonomija

Sport