Tfajla ta’ 26 sena ingħatat il-ħelsien mill-arrest wara li allegatament wettqet vjolenza fuq is-sieħeb tagħha u sofra xi ġrieħi. Filwaqt li wieġbet mhux ħatja tal-akkużi fil-Qorti ħareġ li hija wkoll vittma ta’ vjolenza domestika tant li ngħatat l-panic button.
Il-Prosekuzzjoni qalet li t-tfajla kienet għamlet rapport għand il-Pulizija fl-1 ta’ Awwissu li għadda fejn dakinhar kienet allegat li kienet sfat aggredita mis-sieħeb tagħha tant li sofriet ġrieħi ħfief.
Wara li kien sar ir-risk assessment, irriżulta li hija kienet tinsab f’riskju u għalhekk inħareġ mandatt ta’ arrest fil-konfront tas-sieħeb tagħha. Hija kienet ingħata l-panic button biex tuża f’każ ta’ bżonn.
Iżda waqt li kien qiegħed jiġi mitkellem mill-pulizija, is-sieħeb allega li hu wkoll kellu xi ġrieħi fejn anke ppreżenta ċertifikat mediku. Kien hawn li lilu sarlu wkoll risk assessment u ħareġ li hu wkoll jinsab f’riskju għoli. Għalhekk, imbagħad kien inħareġ mandatt ta’ arrest fil-konfront tal-mara.
Id-difiża tal-imputata ikkontestat il-validità tal-arrest – liema talba ġiet miċħuda mill-Qorti.
Saret talba wkoll għall-ħelsien mill-arrest fejn il-prosekuzzjoni ma sabitx oppożizzjoni għal din it-talba. Il-Prosekuzzjoni qalet li r-rapport li għamel is-sieħeb tal-imputata kien fiha ħafna inkonsistenzi u anke ħawwad fid-dati, iżda hi kellha titressaq minħabba li r-risk assessment kien ġie għoli.
Id-difiża qalet li hu kien ingħata l-ħelsien mill-arrest u m’għadhomx jgħixu flimkien.
Aktar minn hekk, id-difiża qalet li hija għandha kondotta nadifa u qatt qabel ma tressqet il-Qorti. Hija kienet għamlet mill-inqas 10 rapporti fil-konfront tas-sieħeb tagħha iżda dejjem kienet taħfirlu. Dan filwaqt li huwa għandu kawża pendenti oħra b’rabta ma’ vjolenza domestika, fuq persuna oħra.
Il-Qorti wara li semgħet lill-partijiet ta l-ħelsien mill-arrest lit-tfajla fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li ma tkellimx lix-xhieda u li tiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma.