Kien hemm żmien fejn it-tobba qalu li mhu se timxi qatt… illum għandha xogħol u dejjem bi tbissima
Minn MARIA AZZOPARDI
Chantelle Grima hija tfajla Għawdxija ta’ 24 sena. Il-ġenituri tagħha saru jafu li għandha l-kundizzjoni ta’ Cerebral Palsy fl-età ta’ sena u nofs u minn hemm bdiet triq twila ta’ terapija u visti ma’ diversi tobba. Saħansitra kien hemm żmien fejn it-tobba qalu lill-ġenituri tagħha li mhu se timxi qatt. Fil-fatt għamlet l-ewwel pass tagħha ta’ erba’ snin. Il-pilastri fil-ħajja tagħha huma l-ġenituri li, flimkien ma’ ħuha t-tewmi, qatt ma qatgħu qalbhom u ta’ dan tistqarr li se tibqa’ grata lejhom tul ħajjitha kollha għax li kieku ma kinux huma ma waslitx fejn waslet.
Chantelle qalet lil Inewsmalta li kellha saħansitra tagħmel tliet operazzjonijiet li minnhom tgħallmet u mmaturat ħafna. L-ewwel waħda saret ġewwa Renju Unit u l-oħrajn saru ġewwa Malta. Minkejja li timxi b’mod differenti u li l-kundizzjoni nnifisha ġġib magħha ħafna sfidi, maż-żmien Chantelle tgħallmet taddatta u hija persuna dejjem bi tbissima. “Rari ħafna tarani bil-geddum jew imdejqa. Jiena bniedma pożittiva ħafna u ma naqta’ qalbi minn l-ebda sitwazzjoni li l-ħajja tippreżentali. Jiena wkoll persuna amibizzjuża, leali u nirrispetta lil kulħadd,” qalet Chantelle.
Waħda mill-ħolm tagħha hija li tikteb ktieb ta’ motivazzjoni lil ħaddiehor
Chantelle hija mżewqa b’diversi talenti fosthom l-imħabba tagħha lejn il-kitba u l-qari tant li waħda mill-ħolm tagħha hija li xi darba tikteb ktieb ta’ motivazzjoni lil ħaddiehor biex dak li jkun ma jaqtax qalbu minkejja dak kollu li wieħed jista’ jkollu. Chantelle tħobb ħafna tmur horse riding, studjat suġġetti tal-IT ġewwa kulleġġ u llum il-ġurnata taħdem bħala clerk fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Hija tammetti li x-xogħol tagħha huwa għal qalbha ħafna għas-sempliċi raġuni li tkun tista’ tgħin lin-nies. Apparti minn hekk hija tħobb ħafna l-Karnival u ħuha ħajjarha tingħaqqad ma’ kumpanija tant li llum il-ġurnata hija l-PRO tal-kumpanija bl-isem ta’ Labonski Carnival Company.
“Ta’ ħames snin kont niġi bullied minn sħabi tal-iskola…”
Għal Chantelle, il-ħajja taraha bħala l-isbaħ avventura li bniedem jista’ jagħmel u tgħid li minkejja li għandha l-kundizzjoni ta’ Cerebral Palsy, xorta tagħżel li tara s-sabiħ tal-ħajja u mhux l-ikrah.
Minkejja dan, il-ħajja mhux minn dejjem kienet ward u żahar. Chantelle rrakkontat kif meta kellha ħames snin kienet tgħaddi minn ibbuljar minn sħabha fl-iskola. “Ma kinux iħalluni nilgħab magħhom. Kienu jgħiduli, ‘inti mintix bħalna’. Ta’ tfal li tkun tweġġa’; tant li ma xtaqtx immur iktar skola. Imma llum il-ġurnata nifhem li dan isir għax forsi m’hawnx biżżejjed għarfien. Xħin kbirt sibt min qalli ‘li kieku jien bħalek ma noħroġx mill-bieb il-barra’. Jien dejjem weġibt u nispjega lil dak li jkun li m’għandi xejn ħażin. Ħafna kienu jħarsu lejja. Nippreferi li minflok li n-nies iħarsu, iwaqqfuni u jsaqsuni. Mhux se niddejjaq xejn nispjegalhom, anzi nieħu gost,” qalet Chantelle.
Chantelle qalet li l-ħajja għalmitha li trid temmen fik innifsek u ma tatix każ ħaddiehor xi jgħid. “Trid timxi ġurnata b’ġurnata. Kull ħaġa tiġri għal raġuni. Il-messaġġ tiegħi hu li għandek liema kundizzjoni għandek fil-ħajja tista’ tasal fejn trid. Naf li it-triq mhix faċli imma kapaċi tasal daqs ħaddieħor, jekk mhux iktar. Se jiġu mumenti fejn se ssaqsi “Għaliex jien?”. Pero kun af li f’dawk il-mumenti l-ħajja tkun qed tagħmillek forma ta’ test ta’ kemm int kapaċi tiġġieled. Int kapaċi tegħleb kull ostaklu ladarba temmen fik innifsek. Wara kollox fil-ħajja xejn mhu impossibli,” temmet tgħid Chantelle.