Kien għall-ħabta tal-3.45am tas-Sibt meta l-Pulizija ġiet infurmata li hemm inċident tat-traffiku fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, Għawdex.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li BMW 118D misjuqa minn tfajla ta’ 22 sena residenti l-Qala ħabtet f’arblu. Fil-vettura kien hemm ukoll tfajla ta’ 23 sena residenti Għajnsielem u ġuvni ta’ 21 sena residenti s-Sannat.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lill-passiġġieri l-Isptar Ġenerali t’Ġħawdex filwaqt li x-xufiera ttieħdet aktar tard minħabba xokk. Aktar tard il-Pulizija kienet infurmata li l-ġuvni ma ġarrabx ġrieħi u t-tfajla ta’ 23 sena kienet f’qagħda stabbli.
Madankollu, għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li l-kundizzjoni tat-tfajla inbidlet u ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji.
ll-Maġistrat Dr Brigitte Sultana LL.D ġiet infurmata bil-każ u fetħet Inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar il-każ għadhom għaddejjin.

