Saturday, December 14, 2024

Tfajla Indjana tinsab akkużata li pruvat toqtol lill-għarus tagħha

Aqra wkoll

Tfajla Indjana li kienet waslet biex tiżżewweġ, bħalissa tinsab fil-kustodja tal-pulizija, akkużata b’attentat ta’ qtil wara li allegatament pruvat toqtol lill-għarus tagħha.

Il-każ seħħ fit-18 t’April li għadda, meta t-tfajla ta’ 22 sena, Viyyapu Pushpa ltaqgħet mal-għarus tagħha, Addepallu Ram Naidu ta’ 28 sena, f’tempju f’Andhra Pradesh, l-Indja. Hija qaltlu li kellha sorpriża sabiħa għalih.

Allegatament, it-tfajla attakkat lill-għarus tagħha b’sikkina mal-gerżuma t’għonqu u telqitu hemmhekk, waħdu, ’il bogħod min-nies. B’miraklu, Naidu rnexxielu jsalva wara li xi nies tal-lokal sabuh mitluq għal mejjet fl-art, bid-demm ħiereġ minn għonqu. Huwa ttieħed l-isptar u għamlulu 30 punt.

Skont il-midja lokali, huwa rrappurtat li l-koppja kellha tingħaqad fis-sagrament taż-żwieġ fid-29 ta’ Mejju li ġej, skont ftehim li sar miż-żewġ familji. It-tfajla ammettiet il-krimini miġjuba kontriha u stqarret mal-pulizija illi hija rrikorriet għal din il-vjolenza għax ma setgħetx issib mod ieħor biex ma tiżżewwiġx lil Naidu għax qalet li t-tieġ kien arranġament bejn il-ġenituri tagħhom. Jekk tinstab ħatja ta’ dan ir-reat, it-tfajla se tkun qed tiskonta piena ta’ 10 snin priġunerija.

Wieħed mill-membri tal-pulizija li kien qed jieħu ħsieb dan il-każ qal li “Skont l-istqarrija li tat din it-tfajla, hija ma riditx tiżżewweġ lil dan il-ġuvni u lill-ebda ġuvni ieħor”.

Naidu, li bħalissa għadu qed jinżamm l-isptar, f’intervista li kellu mal-midja lokali kkonferma li l-ġenituri tagħhom kienu l-moħħ wara dan iż-żwieġ. Din hi realtà komuni ħafna f’dawk l-inħawi, li l-ulied jiġu mġiegħla jiżżewġu persuna li ma jkunux għażluha huma.

F’survey li sar fl-2018, irriżulta li 93% taż-żwiġijiet Indjani kienu “żwiġijiet irranġati”, skont il-midja Ingliża BBC.

Ekonomija

Sport