Tfajla ta’ 15-il sena mir-Rabat inżammet arrestata wara li tressqet il-Qorti fejn ġiet mixlija li kkaġunat ġrieħi fuq membri tal-familja tagħha, fost akkużi oħra.
It-tfajla kienet akkużata li fid-29 ta’ Marzu kkawżat ġrieħi ta’ natura gravi fuq ommha, ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq oħtha u kif ukoll li inġurjat jew heddet lit-tnejn li huma f’okkażjonijiet oħra.
Hija wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħha, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tagħha. Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li l-imputata m’għandhiex residenza oħra fejn toqgħod għajr dik m’ommha u oħtha li huma l-vittmi f’dan il-każ.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li anke wara diskussjoni fl-awla, baqgħet ma nstabitx residenza alternattiva għat-tfajla.
Fl-awla kien hemm ukoll preżenti ż-żewġ allegati vittmi, b’ommha tidher b’idha miksura u pjuttost emozzjanata.