Friday, November 15, 2024

Tfajla Niġerjana tgħid li ommha tatha l-ħajja darbtejn

Aqra wkoll

“Ommi tatni l-ħajja darbtejn … ġa kont iffortunata biżżejjed li ġabitni fid-dinja u ħadet ħsiebi, imbagħad tatni ċ-ċelloli li kelli bżonn … xi ħaġa speċjali immens meta niftakar x’għamlet għalija”. Stqarret dan Iggie Aikhomu, f’intervista li kellha ma’ ġurnal Ingliż fejn irrakkuntat esperjenza personali.

Iggie, tfajla Niġerjana, ilha tbati mill-kundizzjoni tas-sickle cell disease sa mit-twelid. Is-sickle cell disease bażikament hija kundizzjoni rari li twassal biex iċ-ċelloli l-ħomor tal-ġisem jinbidlu f’forma ta’ minġel u tikkawża wġigħ kbir kif ukoll, eventwalment, ħsara fl-organi. Riżultat ta’ dan, it-tfulija tagħha kienet differenti ferm minn dik ta’ tfal oħra tamparha: “Fi tfuliti kelli nitlef ħafna mill-ħruġ li kienu jorganizzawlna tal-iskola … kelli wkoll inżomm lura mill-attività fiżika, bħal ngħidu aħna l-isports days u l-lezzjonijiet tal-Attività Fiżika,” fissret Iggie mal-istess ġurnal.

Il-kumplikazzjonijiet f’ħajjet Iggie żdiedu erba’ snin ilu, malli għalqet it-18-il sena. Hija fissret li sakemm kienet għadha żgħira, il-familjari tagħha rnexxielhom jgħinuha tikkontrolla l-kundizzjoni tagħha minħabba li missierha kellu l-istess kundizzjoni. Però, appena għalqet it-18 u telqet tgħix għal rasha fir-Renju Unit biex tkompli l-istudji tagħha f’livell universitarju, bdiet tkun ma tiflaħx sew. Saħħitha qabdet sejra għall-agħar, tant li bdiet taħsibha tirriżenjax mill-università għax kienet waqgħet lura immens fl-istudju minħabba li kienet qed tqatta’ parti sostanzjali minn ħajjitha l-isptar jew inkella d-dar fis-sodda: “Hawnhekk bdejna nippruvaw insibu soluzzjoni għaliex bdejt nidħol l-isptar kull ħmistax,” kompliet tispjega t-tfajla. Kien hemm li ngħatat l-aħbar illi l-unika tama li kellha biex terġa’ lura għall-ħajja “normali” kienet li jsirilha stem cell transplant.

Minn hemmhekk, Iggie flimkien mal-familja tagħha rħewlha lejn Vanderbilt University Medical Hospital, f’Nashville, l-Istati Uniti, sabiex isirulha t-testijiet meħtieġa għat-transplant. Wara numru ta’ diżappunti li għaddew minnhom biex isibu donatur/donatriċi kompatibbli ma’ Iggie, ommha ddeċidiet li tkun hi d-donatriċi ta’ bintha.

Għall-grazzja t’Alla, it-transplant kien ta’ suċċess u Iggie setgħet tkompli tgħix ħajjitha tant li rnexxielha tkompli tistudja u mistennija tiggradwa dan is-sajf.

Ekonomija

Sport