Tfajla ta’ 18-il sena tressqet il-Qorti fejn ammettiet li weġġgħet gravi lis-sieħba tal-eks partner tagħha fi ġlieda f’Paceville t-Tnejn li għadda.
Hija tressqet quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fejn wieġbet ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha. Il-każ seħħ fi stabbiliment tad-divertiment.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif nhar it-18 ta’ Marzu, żagħżugħa kienet marret tirrapporta l-Għassa dwar ġlieda li kienet involuta fiha fil-lejl ta’ qabel.
Hija qalet lill-pulizija li l-ġlieda kienet inbdiet minn tfajla li ma kinitx tafha qabel, iżda li mbagħad saret taf li kienet l-eks sieħba tal-għarus tagħha.
Il-pulizija kkuntattjaw lir-raġel biex jagħtihom aktar dettalji tal-imputata u sussegwentement din ġiet imsejħa biex tmur l-Għassa.
Min-naħa tagħha, l-imputata kienet qalet li hija wkoll sfat midruba f’din il-ġlieda u għalhekk il-Pulizija skortawha sal-Isptar Mater Dei biex hemm tingħata l-kura.
L-Avukat Matthew Xuereb, li deher għall-imputata, irrimarka kif il-klijenta tiegħu kienet ukoll il-vittma f’din il-ġimgħa tant li sfat midruba. Huwa talab li qabel tingħata s-sentenza, isir pre-sentencing report.
Il-Qorti se tkun qiegħda tagħti s-sentenza fil-jiem li ġejjin. Sadanittant, l-imputata ngħatat il-ħelsien mill-arrest taħt garanzija personali ta’ €5,000 filwaqt li kienet ordnata biex tiffirma kuljum ġewwa l-Għassa tal-Marsa.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jonathan Cassar u Nico Zarb flimkien mal-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.