Jade White, tfajla ta’ 29 sena minn Atherton, erba’ snin ilu bbukkjat il-Park Hall Hotel f’Charnock Richard għar-riċeviment tat-tieġ. Hija oriġinarjament kellha tiżżewweġ f’Lulju tal-2020, iżda minħabba l-COVID-19 kellha tingħażel data oħra. Din id-darba ġiet magħżula t-23 ta’ Lulju 2021, però għal darb’oħra din ġiet ikkanċellata wkoll minħabba l-pandemija u ntgħażlet id-29 ta’ April tal-2023, bit-tama li fl-aħħar il-ħolma tagħha ssir realtà.
Sfortunatament, Jade tistqarr li m’ilux permezz ta’ Facebook skopriet li l-lukanda li kellhom jiżżewġu fiha għalqet u t-tiġijiet kollha ġew ikkanċellati. Jade u l-għarus tagħha Adam Flitcroft kienu ħallsu £4,250 għal din il-lukanda u stqarrew li sabiex ilaħħqu mal-ispejjeż tat-tieġ kellhom jissellfu £10,000. It-tfajla tistqarr li hi għamlet bosta tentattivi sabiex tikkuntattja lill-istaff, però s’issa għad m’għandhiex tagħrif dwar jekk hux se jieħdu flushom lura jew jekk isibux post ieħor għar-riċeviment.
L-għarajjes — li llum il-ġurnata huma ġenituri ta’ żewġt itfal — jinsabu ddispjaċuti immens, speċjalment minħabba l-fatt li huma kellhom kollox preparat u saħansitra kienu laħqu bagħtu l-inviti lill-mestednin. Il-koppja m’għandhiex idea kif se tagħti l-aħbar lill-mestednin sabiex tinfurmahom li t-tieġ mhux se jseħħ. It-tfajla tirrakkonta li “L-ewwel reazzjoni tiegħi kienet li nfexxejt f’bikja kbira, tant li lanqas flaħt nagħti l-aħbar lill-għarus”.