Numru rekord ta’ ħamsa u għoxrin tifel u tifla b’diżabilità, li l-età tagħhom tvarja minn 3 sa 14-il sena, spikkaw fil-programm ta’ Skolasajf immexxija minn Depiro Sports Club, tul dan is-sajf.
Permezz ta’ dan il-programm, it-tfal parteċipanti ngħataw attenzjoni fuq bażi one-to-one f’ambjent edukattiv inklussiv mifrux fuq diversi temi u li nħareġ ’il barra mill-istrutturi ta’ skola biex flimkien ma’ esperti minn diversi istituzzjonijiet oħrajn jipprovdu ambjent edukattiv mill-aqwa għall-istudenti parteċipanti.
Minbarra dawn il-25 tifel u tifla, il-klabb jilqa’ madwar 1,100 parteċipant taħt it-18-il sena. Din hija inklużjoni fil-prattika fejn dawn il-mijiet ta’ tfal huma esposti għall-valuri tal-inklużjoni u opportunitajiet indaqs.
F’diskors li għamlet il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, f’attività li matulha tħabbar li Depiro Basketball Club issa se jibda jissejjaħ Depiro Sports Club, faħħret il-mod li bih din is-soċjetà rnexxielha żżewweġ tliet prinċipji, il-prinċipju tal-inklużjoni, dak tal-volontarjat u dak tal-isport.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-għaqda volontarja Depiro hija eżempju dinamiku ta’ kif għaqda twieldet, kibret u evolviet b’mod b’saħħtu tul is-snin. Hija semmiet li din l-għaqda volontarja ma toffrix biss tagħlim sportiv, liema tagħlim huwa essenzjali għat-tfal, iżda wessgħet l-għarfien mogħti permezz ta’ ħidma konġunta ma’ entitajiet u ma’ għaqdiet oħrajn.
“Ħidmet is-soċjetà Depiro tirrifletti ferm u ferm aktar minn bidla f’isimha. Hija soċjetà li taħdem id f’id ma’ għaqdiet volontarji oħrajn kif ukoll ma’ aġenziji li huma wkoll iwasslu servizz lil persuni b’diżabilità. Ħidma bħal din hija xhieda ta’ ambjent kollaborattiv u jitwassal il-messaġġ li meta lkoll niġbdu l-istess ħabel l-akbar benefiċjarju tkun il-persuna b’diżabilità li rridu nassigurawha li se jkollha kwalità ta’ ħajja aħjar.”
“Bħala gvern nilqgħu dawn l-inizjattivi, u ntennu l-impenn ta’ pajjiżna li jkompli jagħti importanza lill-għaqdiet volontarji,” ikkonkludiet il-Ministru Farrugia Portelli.
Is-Segretarja ta’ Depiro Sports Club, Marthese Attard, spjegat li minn sempliċi klabb tal-basketball mibdi mill-volontarjat fi Skola Sant’Agatha fir-Rabat, illum l-organizzazzjoni qed toffri programmi edukattivi u attivitajiet sportivi. “Għalina l-inklussività hija tema għal qalbna ferm u għalhekk ninvestu fiha bis-sħiħ,” ikkonkludiet Marthese Attard.
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Sindku tal-Imtarfa, Kyle Mifsud.