Saturday, December 14, 2024

Tfal f’familji mħallta juru x-xewqa li tinżamm relazzjoni tajba bejn il-ġenituri bijoloġiċi

Aqra wkoll

“Fost l-aktar partijiet tal-istudju li jimpressjonawna huma fejn it-tfal qalu li jixtiequ li l-ġenituri bijoloġiċi jibqgħu ċivili ma’ xulxin”. Qalet dan l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Maltija għall-Benesseri tas-Soċjetà, waqt konferenza li saret dalgħodu fil-Parlament fejn ingħataw dettalji dwar studju li ħadu sehem fih it-tfal li ġejjin minn familji mħallta. Dan l-istudju sar b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni u l-Università ta’ Malta.

Fid-definizzjoni tagħha dwar it-terminu ‘familja mħallta’, Coleiro Preca qalet li familja mħallta hija familja rikostitwita fejn wieħed jew iż-żewġ ġenituri tal-koppja attwali jkollhom tfal mir-relazzjoni preċendenti u ngħaqdu flimkien biex jifformaw familja ġdida. Il-koppja tista’ tkun iffurmata minn ġenituri tal-istess sess jew eterosesswali, u bħala koppja tista’ anki tagħżel li ma jkollhomx tfal minn din ir-relazzjoni.

Hija sostniet li mill-ewwel studju li sar mill-2016, intitolat Sustaining Relation Couples and Singles in Malta fejn ħadu sehem madwar 2,400 persuna, ir-realtà tal-familji mħallta baqgħet kulma jmur tiżdied: “53% tad-divorzjati u 37% ta’ dawk separati kienu daħlu f’relazzjoni ġdida”. Għalhekk, dan wera li kien hemm bżonn iktar studju min-naħa tal-Fondazzjoni.

Studju ieħor li sar fl-2017 kompla jenfasizza li jeħtieġ iktar studju dwar ir-relazzjonijiet li jifformaw wara s-separazzjoni u li bis-saħħa tal-istudji li jsiru minn żmien għall-ieħor qed tingħata stampa ċara dwar dawn il-familji. Intant, hija qalet li propju wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Fondazzjoni huwa li timla n-nuqqas li għad fadal dwar ir-realtà tal-familji mħallta, tant li ddeskriviet dan l-aħħar stħarriġ bħala “ħolqa oħra f’katina ta’ studji”.

Dan l-istudju kien immexxi minn Prof. Angela Abela. Hija fissret li f’dan l-istudju partikolari ntgħażlu familji mħallta li qalu li sejrin tajbin, minkejja xi sfidi oħra li jkollhom bħal kull familja oħra, u l-ħsieb wara din l-idea kien sabiex il-parteċipanti jkunu ta’ ispirazzjoni għal nies oħra. Hija spjegat ukoll li kull dikjarazzjoni li ntqalet mit-tfal kienet issostanzjata minn persuna/i oħra fil-familja.

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, ippreseda l-konferenza. F’kelmtejn tal-okkażjoni, l-Ispeaker faħħar il-ħidma li qed issir mill-akkademiċi fir-rigward tar-riċerka dwar il-familji mħallta, u kompla billi qal li huwa fatt magħruf illi n-numru ta’ familji mħallta żdied u hawn wieħed jagħraf li għalkemm in-numru żdied, ftit li xejn nisimgħu dwar esperjenzi li jgħaddu minnhom it-tfal fi ħdan dawn il-familji, x’inhuma l-esperjenzi tagħhom, x’inhu jtellifhom fil-mixja ta’ ħajjithom. L-Ispeaker tenna lli f’dawn iċ-ċirkostanzi, żgur u mhux forsi m’hemmx kejl wieħed għal kulħadd l-istess, anzi huwa ċar li kull tifel jew tifla għandhom esperjenzi varji.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Prof. Suzanne Piscopo, Dr Sue Vella u Alison Zammit Said, kif ukoll il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

Ir-riżultati finali ta’ dan l-istudju mistennija jitħabbru pubblikament lejn l-aħħar ta’ din is-sena, fejn se jiġu ttrattati wkoll it-tweġibiet li taw membri oħra tal-familja fosthom: l-omm u l-missier bijoloġiċi, kif ukoll il-partner tal-omm u/jew il-missier fir-relazzjoni attwali.

Ekonomija

Sport