Monday, November 17, 2025

Tfal f’Gaża jmutu bil-kesħa … Barra t-tbatija tal-gwerra issa qegħdin ibatu minn maltemp estrem

Aqra wkoll

Is-sitwazzjoni f’Gaża kompliet tiggrava hekk kif fi tmiem tal-ġimgħa li għaddiet il-poplu Palestinjan qiegħed jaffaċċja wkoll maltemp qawwi li qiegħed jikkawża aktar ħerba. Dan barra l-attakki li qatt ma verament waqfu mill-forzi Iżraeliti. Fil-fatt, fejn tidħol il-Gwerra f’Gaża, il-Ministru tad-Difiża Iżraelit Katz iddikjara li l-politika tagħhom hija ċara li mhux se jkun hemm qatt stat Palestinjan b’indikazzjoni li l-gwerra se tkompli.

Il-Palestinjani f’Gaża mhux biss qegħdin isofru minn “xita ta’ balal” imma wkoll minn xita naturali qawwija li qiegħda tipperikola ħajjet eluf ta’ familji bla saqaf fuq rashom. Tfal huma rrapportati li qegħdin imutu bil-kesħa, filwaqt li tined li suppost kienu qegħdin jagħtuhom ftit protezzjoni, issa qegħdin jgħerqu taħt għargħar ta’ ilma kkawżat mix-xita qalila.

Maltemp fuq poplu diġà mgħaffeġ

Fl-14 ta’ Novembru, Gaża ġiet milquta mill-ewwel maltempata qawwija tax-xitwa. Din ix-xita f’temp ta’ nofs siegħa kkawżat għargħar fil-kampijiet temporanji fejn jgħixu mijiet ta’ eluf ta’ Palestinjani spostati. Ħafna minnhom sabu kenn f’tined jew strutturi proviżorji li qatt ma kienu maħsuba biex jifilħu għal temperaturi baxxi, irjieħat qawwija u xita persistenti.

Skont stimi mix-Shelter Cluster u NGOs bħan-Norwegian Refugee Council (NRC), kważi miljun Palestinjan kienu diġà mingħajr kenn xieraq qabel il-maltemp u biss 25% tal-bżonnijiet totali tax-xelter kienu nkisbu. Dan ifisser li l-maġġoranza tal-familji f’Gaża qegħdin jgħixu f’kundizzjonijiet riżkjużi u kompletament mhux adattati għall-kesħa.

Tbatija li tmur lil hinn mill-gwerra

In-nies f’Gaża issa qegħdin jiffaċċjaw perikli li jmorru lil hinn mill-isparar u l-bombi. Il-kundizzjonijiet estremi tat-temp qegħdin joħolqu sitwazzjoni fejn il-mewt tista’ tasal sempliċement għax persuna m’għandhiex biżżejjed kenn.

L-aċċess limitat għall-għajnuna umanitarja fosthom ikel, mediċini, kultri, fjuwil u tined ġodda, qiegħed jagħmel l-affarijiet agħar. Minkejja ċerti ftehimiet, il-konsenji ta’ għajnuna qegħdin jidħlu f’volumi ferm iżgħar milli jeħtieġ għall-popolazzjoni anke f’mumenti fejn suppost hemm tregwa jew waqfien mill-ġlied. Konsegwenza ta’ dan, materjali essenzjali huma nieqsa u l-aktar vulnerabbli, speċjalment it-tfal u t-trabi tat-twelid, qegħdin iħallsu l-prezz.

Sejħiet dejjem aktar urġenti

L-UNRWA, flimkien ma’ għadd ta’ NGOs internazzjonali, qiegħda tisħaq li hemm bżonn ta’ aċċess immedjat, sigur u konsistenti tal-għajnuna. Qegħdin jitolbu l-ftuħ ta’ kuriduri umanitarji li ma jiġux imblukkati u li jippermettu distribuzzjoni effettiva u trasparenti tal-provvisti.

Sadanittant, il-ħajja fil-kampijiet għadha diffiċli ferm għar-residenti. Tined imdallma mimlijin ilma, tajn li jxekkel kull tip ta’ moviment u temperaturi li bil-lejl jinżlu sa livelli perikolużi. Fil-morsa ta’ gwerra qalila, maltemp estrem u nuqqasijiet essenzjali, il-ġlieda għas-sopravvivenza saret ħafna aktar diffiċli milli diġà kienet.

“Mulej, ħudna”

… it-talb tat-tfal

“Mulej ħudna.” Hekk hija rrapportata li qalet tifla żgħira li tinsab f’kamp mgħarraq, b’idejha jirtgħodu bil-kesħa u biża’. F’dan il-“ġenoċidju sieket”, kif jiddeskrivuh bosta residenti u attivisti, it-tfal mhumiex biss vittmi tal-gwerra iżda wkoll tal-elementi. Tined li bil-kemm iżommu wieqfa, kesħa, xita qalila u żaqq vojta, dawn huma r-realtajiet kuljum ta’ dawk li għadhom ħajjin.

Kriżi li ilha tinbena

Ix-xita mhiex biss maltempata. Hija katalist li kixfet b’mod ċar il-kriżi li hemm f’Gaża. Hemm bżonn aktar minn kliem. Il-komunità internazzjonali għandha responsabbiltà morali u umanitarja li ma tħallix sitwazzjoni bħal din tkompli teskala. Il-Palestinjani f’Gaża qegħdin jappellaw lid-dinja mhux biss għal solidarjetà iżda, għal azzjoni immedjata. 

Ix-xita għaddiet iżda l-kesħa, il-biża’, in-nuqqas ta’ affarijiet essenzjali u t-tbatijiet għadhom hemm. Il-mistoqsija hija: sa meta?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport