Tuesday, December 24, 2024

Tfal fin-Niġerja b’malnutrizzjoni kawża tal-inflazzjoni li qed tiżdied fil-pajjiż 

Aqra wkoll

Għadd sostanzjali ta’ tfal fit-Tramuntana tan-Niġerja qed ibatu minn malnutrizzjoni akuta. Dan ġie kkonfermat mill-ħaddiema tal-għajnuna fil-pajjiż. 

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti fil-belt ta’ Maiduguri qalet li n-Niġerja għandha l-akbar numru ta’ nies mingħajr sigurtà fl-ikel fid-dinja – madwar 31.8 miljun persuna.

Il-Médecins Sans Frontières, NGO li toffri għajnuna umanitarja, spjegat li s-sitwazzjoni tant hija waħda ħażina li fl-isptarijiet qed jingħataw il-kura fuq saqqijiet mal-art.

L-MSF qalet li f’April b’kollox kien hemm madwar 250 tifel u tifla li ttieħdu f’ċentru apposta f’Maiduguri, id-doppju tal-persuni li kellhom fl-istess perjodu tal-2023. Dr Simba Tirima, ir-rappreżentant tan-Niġerja ta’ MSF, qal: “F’dawn il-postijiet kollha rajna, tal-inqas f’ċerti każijiet, id-doppju ta’ dak li rajna s-sena l-oħra jew tal-inqas żieda ta’ aktar minn 60% fil-pazjenti li ddaħħlu. Għandna kriżi kbira. Għandna emerġenza f’idejna, u dawk it-tfal li għandhom nuqqas ta’ nutrizzjoni severa żgur għandhom bżonn kura.”

Il-midja internazzjonali rrappurtat li r-raġuni ewlenija wara ż-żieda fil-malnutrizzjoni kienet l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel li kienet tlaħħaq qrib it-30%. Huwa mifhum li terz tal-pajjiż, li jammontaw għal aktar mill-popolazzjoni flimkien tar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka, qed jgħixu b’inqas minn £1 kuljum.

Ekonomija

Sport