It-tfal fis-Sudan, maqbuda f’dak li organizzazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja sejħu bħala l-akbar kriżi umanitarja fid-dinja, u mhedda minn livelli dejjem jogħlew ta’ vjolenza, qed isiru dejjem aktar vulnerabbli għal mard infettiv fatali filwaqt li t-tilqim fil-pajjiż qed jonqos drastikament.
Fl-2022, aktar minn 90% tat-tfal żgħar fis-Sudan kienu ngħatw it-tilqim ta’ rutina tagħhom. Dik iċ-ċifra ta’ tliet snin ilu kważi naqset bin-nofs għal 48%, l-aktar baxxa fid-dinja, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).
Madwar id-dinja kollha, aktar minn 14-il miljun tarbija għadhom mhux imlaqqma u d-dinja mhix miexja fid-direzzjoni biex tilħaq l-għanijiet li tnaqqas bin-nofs l-għadd ta’ tfal mhux imlaqqmin kontra l-mard.
Il-gwerra ċivili fis-Sudan bdiet sentejn ilu u qatlet għexieren ta’ eluf ta’ nies u spostat miljuni oħra, f’dak li l-Kumitat Internazzjonali tas-Salvataġġ sejjaħ l-akbar kriżi umanitarja li qatt ġiet irreġistrata.
Is-sena l-oħra kien hemm 838,000 tifel u tifla fis-Sudan li baqgħu ma ngħatawx doża waħda ta’ vaċċin – it-tielet l-ogħla ċifra fid-dinja, wara n-Niġerja (2.1 miljun) u l-Indja (909,000).
Il-proporzjon ta’ tfal li rċevewx it-tilqima DTP-1 – l-ewwel doża tat-tilqima kontra d-difterite, it-tetnu u s-sogħla konvulsiva – huwa meqjus bħala indikatur ewlieni tal-aċċess għall-kura tas-saħħa essenzjali. Tfal li ma jkunux ingħataw din id-doża, ifisser li dawn, u x’aktarx ukoll il-ġenituri tagħhom, ma kellhom l-ebda aċċess jew kuntatt mas-sistema tas-saħħa.
Il-gwerra kompliet laqtet ħażin lis-servizz tas-saħħa tas-Sudan, b’nies spostati u l-qerda fiżika tal-faċilitajiet tas-saħħa, il-linji tal-provvista u s-sistemi tal-informazzjoni li jagħmlu s-servizz tas-saħħa funzjonabbli.
Ħaddiema tas-saħħa – tobba, infermiera, qwiebel, voluntiera tal-komunità – ilhom ma jitħallsu l-paga għal xhur sħaħ. L-infrastruttura bażika fosthom l-ilma nadif disponibbli għall-faċilitajiet tas-saħħa, u d-disponibbiltà tal-elettriku għall-faċilitajiet tas-saħħa huma totalment meqruda.
Id-WHO tgħid li l-gwerer u l-kunflitti madwar id-dinja huma theddida kbira għall-progress tat-tilqim, bit-tfal li jgħixu f’wieħed minn 26 pajjiż affettwati minn fraġilità, kunflitt jew emerġenzi umanitarji għandhom tliet darbiet aktar ċans li ma jkunux imlaqqma mill-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi stabbli.
U filwaqt li l-aċċess għat-tilqim jibqa’ l-kwistjoni ewlenija madwar id-dinja, id-WHO hija estremament imħassba dwar informazzjoni żbaljata u diżinformazzjoni minħabba t-theddida li s-sitwazzjoni tista tkompli tiggrava aktar..