Minkejja li d-dinja kollha wara t-terremot ingħaqdet flimkien u offrew dak kollu posibbli lin-nies Torok, il-UNICEF wissiet li s-sitwazzjoni hija waħda allarmanti għal miljuni tat-tfal.
Skont l-Organizzazzjoni Dinjija qalet li fit-Turkija u anke fis-Sirja xagħrejn wara li seħħew it-terremoti hemm miljuni tat-tfal li qegħdin jispiċċaw skjavi tax-xogħol jew inkella jinbiegħu għaż-żwieġ mill-ġenituri tagħhom bit-tama li jkollhom xi ħaġa tal-flus biex jgħinu l-bqija tal-familja.
Il-UNICEF qalet li t-terremoti affetwaw aktar minn 4 miljun tifel u tifla. S’issa jidher li huma biss 1.5 miljun tifel u tifla li rnexxilhom jerġgħu jibdew l-edukazzjoni tagħhom, filwaqt li kwart ta’ miljun ieħor ittieħdu f’postijiet oħrajn bit-tama li jingħataw ftit dinjità.
L-Organizzazzjoni Dinjija qalet li hi qed tħallas l-ispejjeż kollha ta’ 1,170 skola biex b’hekk eluf ta’ tfal ikomplu jistudjaw. Minħabba li l-iskejjel kważi kollha spiċċaw imwaqqgħin jew ikkundannati, l-istess organizzazzjoni kellha tibni skejjel temporanju f’tined apposta biex b’hekk it-tfal ma jitilfux aktar skola.
Il-UNICEF tgħid li hemm tħassib kbir hekk kif miljuni ta’ tfal qegħdin jispiċċaw jiġru fit-toroq u qegħdin jiltaqgħu ma’ ħafna ħażen fosthom anke tfal bniet li qegħdin jittieħdu għal prostituzzjoni.