Ġenituri ta’ madwar 1,200 tifel u tifla fil-belt ta’ Melbourne fl-Awstralja ġew mitlubin biex jieħdu lill-uliedhom jagħmlu testijiet ta’ mard sesswali wara li ġie arrestat raġel fejn ġie akkużat b’abbuż sesswali fuq ħafna tfal meta kien jaħdem f’ċentru tat-tfal.
Joshua Dale Brown ta’ 26 sena, kien jaħdem f’20 ċentru tat-tfal minn 2017 sas-sena li għaddiet u allegatament hu kien iwettaq abbuż sesswali fuq l-istess tfal li suppost kienu taħt il-kura tiegħu. Jirriżulta li Brown għandu mard li jittieħed b’mod sesswali.
Hekk kif tressaq il-Qorti mixli b’aktar minn 70 akkuża, Brown wieġeb mhux ħati, iżda baqa’ jinżamm arrestat. Skont il-pulizija minn investigazzjoni li saret hu kien wettaq l-akbar abbuż sesswali bejn April tal-2022 u Jannar tal-2023 u l-iżgħar vittma tiegħu kien tifel ta’ ħames xhur.
L-Awtoritajiet tas-saħħa tal-belt qegħdin jagħmlu kuntatt mal-ġenituri tat-tfal li kienu jattendu f’wieħed miċ-ċentri biex jieħdu lill-uliedhom għal testijiet minħabba li rriżulta li Brown hu marid.
Il-każ beda meta mill-inqas ġenituri ta’ tmint itfal għamlu rapport lill-pulizija b’suspett li uliedhom ġew abbużati sesswalment. Dawn it-tfal għandhom kollha inqas minn sentejn.
Brown ma kienx magħruf mal-pulizija qabel seħħ dan il-każ u jidher li dak li wettaq, wettqu kollu waħdu mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd filwaqt li d-diretturi taċ-ċentri ma ndunaw b’xejn.